[FILMAT] Il-Prim Ministru għandu jneħħi lil Manuel Mallia - Simon Busuttil

Iwieġeb bi stqarrija l-ministeru tal-Intern

Il-PN jitlob biex jitneħħa Manwel Mallia
Il-PN jitlob biex jitneħħa Manwel Mallia

 

Dalgħodu nżammet konferenza li matulha Simon Busuttil tkellem dwar l-aħħar żviluppi marbuta mal-każ tal-isparatura minn naħa tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia. L-Oppożizzjoni mħassba minħabba żewġ raġunijiet – xufier ta’ Ministru m’għandu qatt jispara tiri minħabba sempliċi ħabta bejn żewġ karozzi. "Kien biss meta kien ċar li ħadd mhu jemmen lill-Ministru, li hu biddel il-verżjoni tiegħu" kienu l-kliem ta' Simon Busutil

“Kull min hu parti mill-Gvern iħoss li jista’ jagħmel li jrid, issa anke li jispara tiri fuq ħaddieħor” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. "In-nies issa bdew jixbgħu b’dan l-abbuż ta’ poter. L-Oppożizzjoni titlob li toħroġ il-verità kollha. Il-PN jistenna li f’dan il-każ il-Kummissarju tal-Pulizija jagħmel xogħlu b’indipendenza.

Busuttil qal li fiċ-ċirkostanzi l-Prim Ministru għandu jneħħi lil Manwel Mallia, "inkella jkun qed juri li mhux kapaċi jikkontrollaħ."

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI

B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni, jrid jiġi ppreċiżat li l-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni tard il-bieraħ, kienet ibbażata fuq l-ewwel informazzjoni li ngħatat  minn fuq il-post, ftit ħin biss wara l-inċident. Wara rriżulta illi l-fatt li t-tiri ngħataw fl-arja ma kienx preċiż. Fl-ewwel okkażjoni li l-Ministru Manuel Mallia kellu l-għada filgħodu biex hu personalment jindirizza l-mezzi tax-xandir, dan il-fatt ġie ppreċiżat f’konferenza tal-aħbarijiet li ġiet imsejħa biex tagħti l-informazzjoni kollha filwaqt li tingħata wkoll l-opportunità lill-ġurnalisti li jagħmlu l-mistoqsijiet kollha dwar dan il-każ. Ta’ min jirrimarka li l-mezzi tax-xandir kienu fuq il-post tal-inċident u kellhom l-aċċess kollu biex jiffilmjaw u jieħdu ritratti.

More in Politika