Il-Prim Ministru huwa rrabjat u ddiżgustat bl-inċident li fih kien involut il-membru tal-korp tal-Pulizija assenjat mal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Il-Ministru nnifsu esprima l-istess sentiment f’laqgħa li kellu mal-Prim Ministru waranofsinhar.
Is-sitwazzjoni kif eskalat ilbieraħ mhijiex aċċettabbli. M'hemmx post għal persuni li jużaw il-pożizzjoni tagħhom b’mod li jista’ jagħti x’jifhem li huwa abbużiv u eċċessiv.
Il-Prim Ministru tkellem mal-Ministru Manuel Mallia u qablu li kellha tittieħed azzjoni soda fil-konfront ta’ din il-persuna. Dawn jinkludu li l-persuna involuta titneħħa mill-ministeru u fl-istess ħin ġiet sospiża immedjatament mill-Pulizija. F’dan il-każ, il-persuna involuta jidher li kisret il-fiduċja li ngħatat mill-Ministru.
Il-każ jinsab taħt l-iskrutinju ta’ inkjesta maġisterjali u l-Prim Ministru se jistenna l-eżitu tagħha, li jittama li tkun malajr kemm jista' jkun.
Sadattant ħarġet ukoll stqarrija mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.
B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni, jrid jiġi ppreċiżat li l-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni tard ilbieraħ, kienet ibbażata fuq l-ewwel informazzjoni li ngħatat minn fuq il-post, ftit ħin biss wara l-inċident. Wara rriżulta li l-fatt li t-tiri ngħataw fl-arja ma kienx preċiż. Fl-ewwel okkażjoni li l-Ministru Manuel Mallia kellu l-għada filgħodu biex hu personalment jindirizza l-mezzi tax-xandir, dan il-fatt ġie ppreċiżat f’konferenza tal-aħbarijiet li ġiet imsejħa biex tagħti l-informazzjoni kollha filwaqt li tingħata wkoll l-opportunità lill-ġurnalisti li jagħmlu l-mistoqsijiet kollha dwar dan il-każ. Ta’ min jirrimarka li l-mezzi tax-xandir kienu fuq il-post tal-inċident u kellhom l-aċċess kollu biex jiffilmjaw u jieħdu ritratti.