L-użu ta’ arma huwa ġest estrem
Sabiex wieħed juża arma bħala difiża l-periklu għalih irid ikun inevitabbli.
More in Politika
Sabiex wieħed juża arma bħala difiża l-periklu għalih irid ikun inevitabbli.
Sabiex wieħed juża arma bħala difiża l-periklu għalih irid ikun inevitabbli. Fi kliem ieħor, jekk il-periklu seta’ jiġi evitat, wieħed ma jistax jinvoka din id-difiża.
Fid-dawl tal-inċident li seħħ il-ġimgħa li għaddiet fejn ix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia spara tiri ta’ arma tan-nar allegatament bħala self defence lejn persuna li allegatament kienet se taggredih, din il-gazzetta tkellmet mal-Avukati Joe Giglio u Steve Tonna Lowell, żewġ avukati li jispeċjalizzaw fil-qasam tal-kriminali hekk kif ħafna kienu dawk li bdew jaħsbu li l-użu ta’ arma tan-nar bħala self-defence hija xi ħaġa li tista’ ssir faċilment.
Mitluba jispjegaw xi tfisser eżattament li tuża arma bħala ‘self-defence’ u fejn u f’liema ċirkostanzi tista’ tagħmel dan, Giglio u Tonna Lowell qalu li t-teoriji aċċettati mill-Qrati Maltin jgħidu ċarament li sabiex id-difiza tas-“self-defence” tirnexxi jrid ikun hemm xi waħda minn erba’ kundizzjonijiet speċifiċi.
L-ewwel nett; il-periklu jrid ikun illegali. It-tieni; il-periklu jrid ikun gravi u dan ifisser li kieku wieħed m’għamilx reazzjoni għal dak il-periklu, kienet issir ħsara gravi lil ħajtu jew lill-inkoluminità fiżika tiegħu jew lill-kastità tiegħu. L-istess japplika f’każ li dawn il-perikli jiġu riskontrati fil-konfront ta’ persuni oħra u mhux tal-persuna tiegħu. It-tielet; il-periklu jrid ikun inevitabbli. Fi kliem ieħor, jekk il-periklu seta’ jiġi evitat, wieħed ma jistax jinvoka din id-difiża. Ir-raba’; il-mezz użat irid ikun proporzjonat għall-periklu riskontrat. Hu biss f’dawn il-każijiet li l-użu ta’ arma bħala “self-defence” jista’ jiġi aċċettat mill-Qrati Maltin qalu l-avukati Giglio u Tonna Lowell.
Din il-gazzetta tkellmet ukoll fuq is-self-defence ma’ Dr Mario Spiteri, avukat ieħor li wkoll jispeċjalizza fil-kriminal li spjegalna li Membri ta’ Korpi Dixxiplinati’, skorti privati eċċ huma lkoll marbuta li jużaw din it-tip ta’ forza kif inhu raġonevolment neċessarju sabiex ikun hemm il-prevenzjoni ta’ sitwazzjoni li tista’ tkun agħar minn dik li jkollhom quddiemhom fiċ-ċirkostanzi. Biss kull wieħed minn dawn il-membri, skorti privati eċċ jkollu responsabbiltà konsiderevoli x’jerfa’, kemm-il darba jinstab li jkun uża forza aktar milli jkunu jimmeritaw iċ-ċirkostanzi.
Spiteri spjega wkoll li f’dan l-isfond irid jingħad li f’każ li jkun hemm bżonn ta’ użu ta’ forza permezz ta’ arma tan-nar, fejn possibbli għandu jingħata pre avviż suffiċjenti – ‘sufficient warning’ – dwar l-intenzjoni li se jkun hemm użu ta’ din l-arma. Finalment huwa prinċipju ferm riassodat globalment li persuna tista’ tiftaħ in-nar fuq persuna oħra jekk dik il-persuna qed tikkommetti jew waslet biex tikkommetti att li aktarx se jpoġġi l-ħajja ta’ xi ħadd fil-periklu tal-mewt u m’hemmx triq oħra sabiex tevita l-periklu.
Intant dan il-każ qajjem diskussjoni sħiħa fil-pajjiż u ħafna kienu dawk li kkummentaw li tajjeb li wieħed iżomm arma fuqu għal xi eventwalità li jista’ jiffaċċja.
S’issa dan l-episodju wassal għas-sospensjoni tax-xufier, li hu pulizija, minn dmirijietu mal-Ministru u kif ukoll għal sospensjoni mill-Korp sakemm issir u titlesta l-inkjesta maġisterjali fuq il-każ. Il-każ qajjem ħafna domandi oħra fosthom, jekk hux ix-xufiera kollha tal-Ministri qed ikunu armati bl-armi tan-nar fuqhom, jekk ħadux it-taħriġ neċessarju fuq l-isparar u kif u fejn qed jidħlu bl-armi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Apparti s-sospensjoni tax-xufier minn dmirijietu u mill-korp, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sejjaħ għar-riżenja tal-Ministru Manuel Mallia u insista li jekk dan ma jirriżenjax, il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu jkun hu li jneħħi lil Mallia minn Ministru. Anke l-Alternattiva Demokratika fi stqarrija insistiet li l-Ministru Mallia kellu jirreżenja.
Intant, ta’ min ifakkar li ħadd ma jista’ jġorr armi fuqu mingħajr il-permessi neċessarji tal-pulizija.