L-iskart mill-ikel fuq l-aġenda nazzjonali

Gvern li poġġa l-Food Waste fuq l-aġenda nazzjonali

Gvern li poġġa l-Food Waste fuq l-aġenda nazzjonali
Gvern li poġġa l-Food Waste fuq l-aġenda nazzjonali

‘Għall-ewwel darba għandna Gvern li poġġa l-Food Waste fuq l-aġenda nazzjonali’. Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta kien qed jindirizza l-konferenza nazzjonali dwar il-Food Waste ‘A Strategy for the Prevention and Reduction of Food Waste’.
 

Brincat qal li wieħed irid iżomm f’moħħu li l-ħela tal-ikel tista’ tibda propju minn dak l-istadju fejn l-ikel ikun prodott u proċessat u mhux biss fl-istadju tal-konsum. “Madwar id-dinja, madwar terz tal-ikel prodott għall-konsum mill-bniedem jintilef jew jinħela, filwaqt li fl-Unjoni Ewropea innifisha jiġi ġġenerat madwar 90 miljun tunellata ta’ skart mill-ikel kull sena”.
 

Il-Ministru tenna li dan ma jfisser xejn ħlief ħela ta’ riżorsi bħal l-ilma, l-enerġija, l-fertilizzanti u anki l-art, kif ukoll impatt negattiv fuq it-tibdil fil-klima minħabba żieda fil-‘carbon footprint’ globali li huwa stamt li jilħaq id-doppju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li kienet tipproduċi l-Istati Uniti sa ftit tas-snin ilu.
 

“F’dinja fejn il-faqar soċjali u reali jkompli tiela l-fuq minkejja kull tkabbir ekonomiku, wieħed jinnota li sfortunatament l-iskart mill-ikel ixekkel u jimblokka kull attentat għat-tnaqqis tal-faqar innifsu, kif ukoll sabiex tittejjeb is-sigurta’ globali fl-ikel” qal Brincat. Żied li għadd ta’ għaqdiet globali inkluż il-Food and Agriculture Organisation tal-Ġnus Magħquda nnifisha qed juru tħassib serju dwar dan.
 

Meta tkellem dwar il-Food Waste Working Group li ġie mwaqqaf fl-aħħar ta’ Ġunju li għadda, il-Ministru Brincat  qal li mir-rapport  ħareġ ċar li kulħadd jrid jagħti sehmu biex din il-kampanja kontra l-ħela mill-ikel tagħti r-riżultati mixtieqa. “Mill-familji nfushom għall-lukandi u stabbilimenti tal-akkomodazzjoni, r-restoranti, s-snack bars u take away kiosks, dawk li bħala ‘suppliers’  jipprovdu l-ikel u x-xorb, il-confectioners, min imexxi l-canteens flimkien mat-tuck shops fl-iskejjel”. Qal ukoll li ma’ dawn wieħed irid iżid ukoll kull tip ta’ ‘outside catering’, mill-funzjonijiet pubbliċi bħat-tiġijiet, il-catering tal-linji tal-ajru kif ukoll l-ikel fl-isptarijiet u d-djar tal-anzjani.
 

Il-Ministru Brincat qal li meta wieħed iqis kollox toħroġ ċara l-ħtieġa ta’ kampanja intensiva ta’ edukazzjoni u informazzjoni li trid tkun immirata b’mod differenti għal faxex differenti tas-soċjeta’. “Daqstant ieħor hemm bżonn li jitħaffef il-proċess biex tiġi introdotta sistema separata għall-ġbir tal-iskart mill-ikel tal-familji Maltin u Għawdxin”.
 

Żied jgħid “Jeħtieġ li jiġi inkoraġġit aktar il-composting tal-iskart meqjus biodegradabbli. Filwaqt li l-istess kif hemm kampanja nazzjonali li tipprovdi għat-tnaqqis tal-iskart inġenerali, daqstant ieħor pajjiżna għandu bżonn urġenti tal-introduzzjoni ta’ Food Waste Prevention Programme ħalli din il-ħela tiġi minimizzata kemm jista jkun”.
 

Il-Ministru saħaq li ċ-ċittadini jeħtieġu wkoll li jiġu aġġornati dwar kemm in-nefqa attwali tal-kunsilli lokali rispettivi tagħhom qed tiġi milquta direttament, kemm il-darba s-sistemi ta’ immaniġġjar tal-iskart fil-lokalitajiet ma tkunx qed issir bil- galbu meħtieġ.

More in Politika