Inħatru l-membri fil-Bord tal-Inkjesta
Ir-rapport finali jrid jitlesta fi żmien ħmistax
More in Politika
Ir-rapport finali jrid jitlesta fi żmien ħmistax
Il-Prim Ministru llum ħatar Bord ta' Inkjesta indipendenti magħmul minn tliet eks-ġudikanti biex jinvestigaw allegazzjonijiet f’konnessjoni mal-każ ta' sparatura li fiha kien hemm involut membru tal-Korp tal-Pulizija.
Il-bord, maħtur skont l-Att tal-Inkjesti, se jitmexxa mill-Imħallef Emeritu Alberto Magri. Il-membri se jkunu l-Imħallfin Emeriti J D Camilleri u Philip Sciberras.
L-għan ta' din l-inkjesta huwa li tinvestiga l-aġir jew kondotta tal-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali Emmanuel Mallia u/jew uffiċjali oħra f’konnessjoni mal-każ li kien involut fih membru tal-Korp tal-Pulizija assenjat mal-Ministeru de quo nhar id-19 ta' Novembru, 2014.
B'mod partikolari, iżda mhux biss, il-Bord tal-Inkjesta għandu jiddetermina:
1) Jekk kienx hemm involviment mhux leċitu min-naħa tal-Ministru Emmanuel Mallia u/jew uffiċjali oħra fil-każ imsemmi;
2) Il-veriċità jew le tal-allegazzjoni li l-Ministru intervjena biex jgħatti l-aġir ta' din il-persuna.
3) kwalunkwe kwistjoni oħra anċillari li b'xi mod tolqot l-aġir jew kondotta tal-Ministru Mallia u/jew uffiċjali oħra fil-każ imsemmi
Fil-qadi tad-doveri tiegħu l-Bord għandu jużu fruwixxi mill-poteri kollha mogħtija lilu minn artiklu 6 tal-Att dwar l-Inkjesti.
Ir-rapport finali għandu jasal għand il-Prim Ministru fi żmien ħmistax-il ġurnata mil-lum.