L-għażż irid jiġi skartat - Stefan Buontempo
Dan huwa gvern li sfida l-istatus quo f’pajjiżna
minn Frederick Attard
IL-PUNT ta’ Stefan Buontempo
Sena ilu qalulna li Gvern Laburista mexxa ’l quddiem baġit pożittiv għaliex kienu ġejjin l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, nhar it-Tnejn li għadda erġajna rajna l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jpoġġi quddiem il-poplu baġit ferm aktar pożittiv u ambizzjuż minn dak ta’ qablu, baġit li issa ħadd ma jista’ jikkritikana li huwa xi tip ta’ baġit ta’ qabel l-elezzjoni.
Però kif jgħid il-Malti, l-ispiżjar milli jkollu jtik, taħt Gvern Nazzjonalista konna drajna nistennew sa lejliet l-elezzjoni sabiex ningħataw xi ħaġa lura minn dak li jkunu għamlu erba’ snin jisirqulna. Konna fi stil ta’ politika li titimgħek ftit loqom fl-aħħar baġit ta’ qabel l-elezzjoni sabiex itaffu ftit mit-togħma morra tal-baġits preċedenti. Però dan huwa gvern li sfida l-istatus quo f’pajjiżna, gvern li bil-fatti u mhux bil-kliem biss implimenta stil ta’ politika ġdida li tkun viċin il-poplu matul il-ħames snin tal-legislatura u mhux biss lejliet l-elezzjoni ġenerali.
Ekonomija: fit-triq it-tajba
Waqt li kont qed nisma’ d-diskors tal-Ministru tal-Finanzi t-Tnejn li għadda qgħadt attent ħafna jekk nismax il-kelma maġika li l-Partit Nazzjonalista tant beżża’ u werwer nies biha qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet “bail out”, għarrixt fuq li għarrixt qalb il-paġni tal-ktejjeb li minnu beda jaqra l-ministru però dil-famuża kelma ma dehret imkien. Bużżieqa oħra li nfaqgħet b’qawwa kbira f’wiċċ il-Oppożizzjoni għaliex mhux talli pajjiżna ma qabadx in-niżla fil-qasam ekonomiku iżda bil-kontra.
Għas-sena li ġejja l-Gvern qed jistma tkabbir ekonomiku li jlaħħaq it-3.5% filwaqt li r-rata ta’ inflazzjoni mistennija tkun dik ta’ 1.5%. Il-ħolqien ta’ mpjiegi ġodda mistennija wkoll tkompli għaddejja matul is-sena li ġejja fil-fatt huwa mistenni li din tibqa tikber b’rata soda ta’ 1.9% filwaqt li r-rata tal-qgħad mistennija wkoll tinżamm taħt il-5.9%.
Tnaqqis fit-Taxxa: fit-triq it-tajba
Jekk hemm ħaġa li tiddistingwi lil dan il-Gvern minn dak ta’ qablu huwa l-fatt li dan huwa gvern li qed jimxi b’sinċerità mal-poplu, gvern li jwettaq dak li jwiegħed għaliex baqa’ viċin in-nies. Qed inkomplu nwettqu l-wegħdiet marbutin mat-tnaqqis fit-taxxa, xi ħaġa li Gvern Nazzjonalista kien falla milli jagħmel f’baġit wara l-ieħor.
Kien għalhekk li r-rata ta’ taxxa ta’ 29% li tapplika għal dawk li jaqilgħu anqas minn sittin elf ewro se terġa’ titnaqqas għal 25%, dan se jfisser li l-familji Maltin se jkollhom madwar €19-il miljun aktar fi bwiethom. Erġajna wkoll żammejna l-wegħda tagħna li ma nintaxxawx lil dawk il-ħaddiema u kif ukoll lill-pensjonanti li qed jaqilgħu paga minima jew pensjoni li ma taqbiżx il-paga minima, xi ħaġa li m’għamilx gvern Nazzjonalista meta kien għażel li jintaxxa lil dawk li qegħdin fl-aktar skaluna baxxa tas-soċjetà tagħna.
Dan il-gvern kompla jagħti palata tajba lil dawk li se jkunu qed jixtru l-ewwel propjetà tagħhom hekk kif għall-ewwel sitt xhur tas-sena dawn se jiġu eżentati milli jħallsu t-taxxa tal-bolla fuq l-ewwel €150,000 tal-propjetà tagħhom.
Mis-sena d-dieħla għall-ewwel darba l-pensjonanti se jkun qed jieħu ż-żieda kollha tal-COLA b’hekk se jibdew jirċievu kumpens sħiħ għall-għoli tal-ħajja. Barra minn hekk dan il-gvern ħaseb ukoll sabiex jagħti bonus addizzjonali ta’ €35 li fost oħrajn se jingħata lill-istudenti, pensjonanti u dawk kollha li qegħdin fuq il-benefiċċji soċjali.
Nippremjaw il-bżulija: fit-triq it-tajba
Jekk kien hemm element li spikka mhux ftit f’dan il-baġit kien dak li dan huwa baġit li jippremja lil min hu bieżel u jixtieq jaħdem. Dan huwa sintomu ta’ gvern li jemmen fil-potenzjal tal-poplu tiegħu, gvern li jemmen li l-poplu tagħna huwa poplu ħabrieki, ħawtiel u bieżel. Kien għalhekk li nemmen li dan l-baġit se jkun qed jimplimenta l-ewwel fażi minn bidla soċjali kbira f’pajjiżna hekk kif illum il-ġurnata qed inpoġġu l-ġenerazzjoni żagħżugħa b’realtà fejn l-għażż irid bilfors jiġi skartat. Ma kinitx deċiżjoni faċli li wieħed jaqbad u jiddeċiedi li jieħu deċiżjoni politika bħal din fejn fl-aħħar se tkun qed tittieħed azzjoni kontra min jabbuża mill-benefiċċji soċjali.
Dan se jkun qed isir billi ż-żgħażagħ kollha ta’ taħt it-23 sena li huma bla xogħol u li m’għandhomx edukazzjoni terzjarja se jkunu qed ikollhom jieħdu sehem fil-garanzija taż-żgħażagħ sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jirċievu benefiċċji. Dan ifisser li min jiddeciedi li ma jridx jaħdem jew jitgħallem mhux se jkun jista’ jibqa’ jippretendi li jistenna flus għalxejn. Dan se jkun qed japplika wkoll għal Single Parents li wara li t-tarbija tagħhom tagħlaq sena huma wkoll se jkollhom jidħlu jieħdu sehem fil-Youth Guarantee, jekk ma jagħmlux dan huma wkoll se jkunu qed jitilfu l-benefiċċji. Spiċċa ż-żmien li l-fatt li tkun single mother se jitqies bħala xogħol.
In-nisa baqgħu wkoll jingħataw prijorità assoluta minn dan il-gvern; qed nagħmlu dan għaliex verament nemmnu f’ugwaljanza bejn is-sessi anke fid-dinja tax-xogħol. Bir-riformi introdotti f’dan il-baġit ommijiet inkluż dawk self-employed se jkunu qed igawdu minn żieda ta’ aktar minn €6 fil-ġimgħa f’żieda tal-benefiċċju tal-leave tal-maternità. L-ostaklu fejn dak li jimpjega jispiċċa jkejjel b’xibru jekk jimpjegax mara jew le minħabba tqala futura llum se tispiċċa għal kollox bil-ħolqien tal-fond speċjali li minnu jitħallas il-benefiċċju tal-erbatax-il ġimgħa ta’ leave tal-maternità, fond li se jkun qed jiġi ffinanzjat mill-kumpaniji privati kollha abbażi tan-numru ta’ persuni li jħaddmu magħhom.
Soċjetà ġusta: fit-triq it-tajba
Dan il-gvern se jkun qed jaħdem ukoll sabiex jara li wliedna ma jitħallewx jaqgħu lura, huwa għalhekk li se jkun qed jingħata suppliment ta’ €400 għal kull wild ta’ familji bi dħul baxx. Suppliment li però se jkun marbut mal-kundizzjoni li t-tfal jattendu għal 95% tal-ġranet tal-iskola.
Se nkunu wkoll qed naħdmu sabiex inwettqu l-wegħda elettorali fejn noffru serħan il-moħħ għal ġenituri ta’ persuni b’diżabbiltà fejn uliedhom ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti wara l-mewt tal-ġenituri tagħhom. Dan se jkun qed jitwettaq billi jinbnew tlett idjar residenzjali kull sena għall-persuni b’diżabbiltà, djar li se jkunu qed jaqdu dan l-irwol li joffru kenn għal dawn il-persuni wara l-mewt tal-ġenituri tagħhom.
Se jkunu qed jidħlu fis-seħħ ukoll numru ta’ inizjattivi fejn matulhom se nkomplu ngħinu aktar persuni b’diżabbiltà sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. L-ewwel nett se tkun qed tingħata pensjoni sħiħa lil persuni b’diżabbiltà li jsibu impjieg. Se tiġi wkoll implimentata b’aktar riġidità r-regola li 2% tal-impjegati ta’ kumpaniji privati li jħaddmu aktar minn għoxrin persuna jkunu persuni b’diżabbiltà. Dawk il-kumpaniji li mhux se jkunu qed jagħmlu dan se jkollhom iħallsu €2,400 għal kull persuna b’diżabbiltà li suppost ikunu impjegaw.
Dan il-gvern baqa’ kommess ukoll sabiex ikompli jiġġieled il-prekarjat u kien għalhekk li mis-sena d-dieħla l-ħlasijiet tal-ħaddiema tal-kuntratturi fuq xogħol tal-gvern ikun mill-anqas bir-rata bażika tal-istess xogħol li jsir mal-gvern. Dan se jkun qed jeqred darba għal dejjem diversi abbużi li kienu qed jifnu lil diversi ħaddiema li jispiċċaw vittmi ta’ min iħaddimhom.
Edukazzjoni: fit-triq it-tajba
Dan huwa l-gvern tal-opportunitajiet, gvern li jemmen fl-istudenti u ż-żgħażagħ tagħna sabiex huma lkoll ikunu jistgħu jirnexxu. Kien għalhekk li se nkunu qed inżidu l-istipendji abbażi tal-għoli tal-ħajja filwaqt li se nimmassimizzaw l-għajnuna lill-istudenti billi d-dħul kollu tal-manteniment tagħhom mhux se jibqa’ taxxabli.
Filwaqt li se nkomplu għaddejjin bil-manutenzjoni fuq l-iskejjel eżistenti, is-sena d-dieħla se jibda x-xogħol ta’ bini fuq żewġ skejjel ġodda, waħda f’Ħad Dingli u oħra f’Ħal Kirkop. Dan il-gvern ħaseb ukoll sabiex ikompli jżid in-nefqa kapitali tal-Gvern fuq l-Università se tiżdied minn 4.5 miljuni għal 7 miljuni.
Gvern: fit-triq it-tajba
Dawn huma biss ftit mill-mizuri li implimentajna bħala gvern ġdid f’dan it-tieni baġit li preżentajna. Baġit ta’ gvern li jrid ikompli joħloq ġustizzja soċjali, baġit ta’ gvern li jrid jippremja lill-bieżel u jaqta’ l-abbużi li għalihom inħallsu aħna bit-taxxa tagħna.
Nemmen li dawn il-miżuri se jkomplu jimplimentaw l-għajta li l-poplu afdana biha qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet għaliex għalina din hija l-Malta Tagħna Lkoll, il-Malta fejn nippremjaw il-bżulija.
Stefan Buontempo hu Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali