[AĠĠORNAT - 2] Roberta Metsola għandha tikkoreġi l-iżball tagħha fil-Parlament Ewropew

Tirribatti Metsola għal darboħra

L-istqarrijiet maħruġa mill-Ministeru tal-Ġustizzja jikkonfermaw li l-Unjoni Ewropea fetħet proċeduri kontra Malta għaliex il-Gvern Laburista ma daħħalx id-direttiva kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal fil-ħin.  Il-Gvern daħħal id-direttiva wara li l-Unjoni Ewropea fetħet proċeduri kontra Malta.  
Billi l-Gvern Laburista ma daħħalx id-direttiva fiż-żmien stipulat, l-Unjoni Ewropea fis-27 ta’ Jannar 2014 fetħet proċeduri kontra l-Gvern.  Id-dokument tal-Unjoni Ewropea li qed jiġi pubblikat ma’ din l-istqarrija juri meta nfetħu l-proċeduri kontra Malta u li dawn għadhom miftuħa.
Dan id-dokument jikkonferma li l-Gvern Laburista daħħal id-direttiva wara ż-żmien stipulat u wara li l-Unjoni Ewropea fetħet proċeduri kontra Malta.
Kważi sena wara li l-Unjoni Ewropea fetħet proċeduri kontra l-Gvern, dawn għadhom miftuħa.  Dan hu kollu tort tal-Gvern Laburista.
Flok joqgħod idur mal-lewza, il-Gvern għandu jgħid għaliex il-proċeduri kontra Malta għadhom miftuħa.
Hu l-obbligu ta’ kull politiku li jfittex u jħares l-interessi tat-tfal u l-Gvern Laburista kaxkar saqajh bl-Unjoni Ewropea tieħu passi kontra tiegħu.


aktar qabel:
 Il-Gvern qed jinnota li l-Ewroparlamentari Roberta Metsola issa dawret id-diska fuq il-kwistjoni tad-direttiva tal-Unjoni Ewropea kontra l-abbuż u l-isfruttament tal-minorenni.
 
Roberta Metsola ma baqgħetx tgħid li l-Gvern Malti m’implimentax din id-direttiva għaliex issa indunat li ħadet żball oħxon meta ħarbilha li d-direttiva ilha implimentata tmien xhur sħaħ. Sfortunatament minħabba dan l-iżball oħxon, isem pajjiżna tħammeġ għal xejn b’xejn quddiem fora internazzjonali.
 
Issa Roberta Metsola qed tgħid li l-Gvern Malti missu implimenta d-direttiva mill-ewwel hekk kif daħlet fis-seħħ.
 
Id-direttiva daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Dicembru, 2011, fi żmien amministrazzjoni mmexxija mill-Partit Nazzjonalista. Il-Ministeru jaqbel ma’ Roberta Metsola li Gvern Nazzjonalista għamel ħażin li m’implimentax id-direttiva immedjatament u baqa’ ma implimentahiex matul il-bqija tal-leġiżlatura.
 
Kuntrarjament għal dan, il-Gvern preżenti implimenta din id-direttiva immedjatament hekk kif temm jgħaddi mill-Parlament il-liġi li tneħħi l-preskrizzjoni minn reati ta’ korruzzjoni magħmula minn politiċi u l-Whistleblowers’ Act.
 
L-inqas ħaga li għandha tagħmel Roberta Metsola f'dawn iċ-ċirkustanzi hi li fl-ewwel okkażjoni fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew tikkoreġi dan l-iżball oħxon li‎ ħadet.

 

Aktar kmieni Roberta Metsola kienet ]ar[et din l-istqarrija

L-Unjoni Ewropea fetħet proċeduri kontra Malta, għaliex il-Gvern Malti ma implimentax id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal fiż-żmien stipulat, kif kellu obbligu li jagħmel skont stqarrija tal-parlamentari ewropew nazzjonalista, Roberta Metsola.

Skont Roberta Metsola Il-Gvern daħħal id-direttiva fis-seħħ wara li l-Unjoni Ewropea bdiet l-azzjoni kontra Malta.  Il-Gvern kien reattiv u zbalja meta l-ewwel qagħad jistenna l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni kontra Malta.  Il-Gvern messu daħħal id-direttiva fil-pront.  Fejn jidħlu l-interessi tat-tfal il-Gvern qagħad pass lura, għalxejn b’xejn.  Messu ħa inizjattiva u aġixxa mill-ewwel.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola kritikat lil dawk l-iStati Membri li ma jipproteġux lit-tfal u wriet id-dispjaċir li pajjiżna ma daħħalx id-direttiva fil-ħin.  In-nuqqas tal-Gvern Laburista espona lil Malta għall-proċeduri u dawn il-proċeduri għadhom miftuħa.

Flok il-Gvern jammetti li żbalja għaliex ma qisx il-protezzjoni tat-tfal bħala prijorita’, ħareġ bi stqarrija isterika, li turi li ġie daru mal-ħajt għaliex l-Unjoni Ewropea ħadet azzjoni kontra tiegħu. Roberta Metsola qalet li hi impenjata li tibqa’ tiddefendi l-interessi tat-tfal b’kull mezz u kien għalhekk li kienet waħda mill-promoturi tar-riżoluzjoni.dwar id-drittijiet tat-tfal, liema rizoluzzjoni ġiet diskussa u addotta illum bl-appoġġ tal-grupp politiċi kollha fil-Parlament Ewropew.

Ftit qabel il-gvern kien ħareġ din l-istqarrija:

Huwa kompletament inaċċettabbli li l-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola ma tafx li l-Gvern Malti daħħal fil-liġijiet ta' pajjiżna direttiva tal-Unjoni Ewropea kontra l-abbuż u l-esplojtazzjoni tat-tfal xejn inqas minn tmien xhur ilu.

Agħar minn hekk, Roberta Metsola għogobha għal darb'oħra  tħammeġ isem pajjiżna quddiem fora internazzjonali billi tisħaq li l-Gvern Malti mhux qed jipproteġi l-interessi tat-tfal mill-abbuż.

Kieku Roberta Metsola tkellmet mal-Partit tagħha stess, kienu jgħidulha li d-direttiva ta' l-UE kontra l-abbuż u l-esplojtazzjoni tat-tfal daħlet fis-seħħ bis-saħħa ta' l-Att numru IV tal-2014 fit-18 ta' Marzu li għadda. Fuq dawn l-emendi, il-partit tagħha kien ivvota favur.

Roberta Metsola għandha tifhem li, kuntrarjament għal dak li kien jiġri taħt Amministrazzjoni preċedenti, meta fil-qasam tal-ġustizzja kien hemm letarġija sħiħa, Gvern ġdid qed iġib lil pajjiżna konformi mal-liġijiet Ewropej fil-qasam tal-ġustizzja. 

Gvern ġdid, frott il-bżulija, qiegħed jirkupra ż-żmien mitluf taħt Gvern Nazzjonalista tant li fi ftit iktar minn sena, il-Parlament approva elenku sħiħ ta' liġijiet Ewropej li jagħtu iktar drittijiet liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

More in Politika