Iż-Żgħażagħ baqgħu mingħajr Baġit

Ryan Mercieca l-kandidat ġdid tal-PN  jgħid tiegħu fir-rubrika 'Kif Naħsibha'

Meta wieħed jaqra b’dettall il-baġit għal 2015 ikun jista’ jinnota li diversi faxex tas-soċjetà tħallew barra. Dan iwassal għall-baġit li ma jqassamx il-ġid b’mod ġust. Pilastru importanti għas-soċjetà tal-lum u għada huma ż-żgħazagħ li sfortunatament ma jistgħux jgħidu li huwa baġit li jolqothom b’mod pożittiv.

 

Minn barra l-fatt li huwa baġit li ma jitkellemx biżżejjed dwar ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol, lanqas juri viżjoni ekonomika. Dan huwa fattur li jista’ jwassal għal żieda fil-qgħad fost iż-żgħazagħ. Biżżejjed inħarsu lejn il-pajjiżi ġirien sabiex naraw kemm tista’ tkun problema serja!

 

Minkejja li tissemma’ l-garanzija taż-żgħażagħ - li aktar ma jgħaddi ż-żmien qiegħda ssir kantaliena fid-diskorsi,  milli pjan - dan il-baġit ma joffri l-ebda viżjoni jew inċentivi sabiex żgħażagħ Maltin ikunu fiċ-ċentru jew tal-inqas parti mid-deċiżjonijiet.  Dan huwa l-kontra ta’ dak li qed iseħħ fuq livell Ewropew u globali fejn qed isiru sforzi sabiex iż-żgħażagħ jitpoġġew fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet u ssir konsultazzjoni kontinwa magħhom.

 

Bħaż-żgħażagħ Maltin, żgħażagħ Għawdxin wisq anqas ingħataw importanza.  Dan għaliex proposti li ġew imressqa minn żgħażagħ Għawdxin stess ġew injorati u mwarrba għall-ġenb. Fost dawn il-prosposti ma nistax ma nsemmix pjan konkret sabiex tiġi indirizzata l-eżodu tal-imħuħ li Għawdex qed ibati minnha.  Is-servizz veloċi bejn iż-żewġ gżejjer, ‘youth hub’ u r-rakkomandazzjoni għall-bini ta’ pixxina ġewwa Għawdex, u li l-allokazzjoni tal-Għawdxin tirrifletti ż-żieda tal-għoli tal-ħajja, lanqas biss ġew ikkunsidrati.

Dan il-gvern kien ġie elett b’għajta li ż-żgħażagħ warajh u li se jpoġġi ż-żgħażagħ fiċ-ċentru tat-tmexxija tiegħu. Però f’inqas minn sentejn fil-poter dan il-gvern diġà nesa u warrab liż-żgħażagħ bħal setturi oħra tas-soċjetà li ġew imwiegħda ħafna u li issa dawn il-wegħdiet qed jgħibu.  Fi ftit kliem il-baġit 2015 huwa baġit nieqes minn proposti diretti għaż-żgħażagħ.

Din hija ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li hija l-frott ta’ snin ta’ investiment ta’ gvernijiet Nazzjonalisti li għarfu li r-riżors umani huwa kruċjali għall-pajjiżna u għarfu li jkun għaqli li jsir investiment fih. Ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li trid tirnexxi u tavvanza fil-ħajja. Huma żgħażagħ li jafu li jistgħu jaslu u jridu jaslu.  Ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li jagħtu importanza strateġika lis-suċċess fil-karriera tagħhom wara li jkunu għamlu snin ta’ sagriffiċċji kbar jistudjaw.

Iż-żgħażagħ iridu gvern li jilħaq l-aspirazzjonijiet tagħhom u jħossuhom importanti fis-soċjetà u mhux ċittadini passivi li jħażżu numri fuq il-vot kull ħames snin.  Il-Partit Nazzjonalista huwa dak il-partit li jservi bħala mezz sabiex l-aspirazzjoni u l-ħolm taż-żgħażagħ Għawdxin u Maltin isir realtà.

More in Politika