9 deputati tal-PN Żammew qrib €1 miljun mill-onorarja

Mario DeMarco, Chris Said, George Pullicino, Carm Mifsud Bonnici, Jason Azzopardi, Joe Cassar, Giovanna Debono, Mario Galea u Clyde Puli huma li żammew madwar miljun ewro li suppost irritornaw

Il-kabinet ta' Gonzi
Il-kabinet ta' Gonzi

ILLUM jinsab informat li disa’ eks membri tal-Kabinett tal-aħħar gvern Nazzjonalista, li llum għadhom membri tas-shadow cabinet ta’ Simon Busuttil żammew qrib il-€1 miljun bejniethom miż-żieda li kienu taw lilhom infushom wara l-elezzjoni ġenerali tal-2008.

Il-kontroversja dwar iż-żidiet li l-membri tal-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi taw lilhom infushom reġgħet tqajmet dil-ġimgħa mill-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament. Il-Prim Ministru qal li b’kollox il-15-il membru tal-Kabinett Nazzjonalista bejn l-2008 u l-2012 ħadu €1.6 miljun bħala żieda biss fis-salarji tagħhom, u taw lura €300,000.

Iż-żieda fil-pagi tal-Ministri u Segretarji Parlamentari Nazzjonalisti kienet waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa l-Kabinett wara l-elezzjoni ġenerali tal-2008, anki jekk din qatt ma kienet issemmit matul il-kampanja elettorali. Kien biss lejn tmiem l-2010 li bdew isiru magħrufa l-ewwel dettalji dwar din iż-żieda.

Sadattant il-partit laburista dalgħodu ħareġ stqarrija li tgħid li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu għandu opportunità tad-deheb biex waqt il-Kunsill Ġenerali li qed jiltaqa’ bit-tema Politika Onesta, jgħaddi mill-kliem għall-fatti. Jekk Simon Busuttil jrid jittieħed bis-serjetà li jemmen f’politika onesta, illum għandu jiddikjara li se jkun qed jitlob lid-9 eks Ministri u Segretarji Parlamentari li kienu fil-kabinett tal-aħħar gvern Nazzjonalista u li llum huma fis-shadow cabinet tiegħu, biex jagħtu lura l-flus kollha li ħadu permezz taż-żieda tal-€500 fil-ġimgħa.

 Jirrizulta li Mario DeMarco, Chris Said, George Pullicino, Jason Azzopardi, Carm Mifsud Bonnici, Joe Cassar Giovanna Debono, Clyde Puli u Mario Galea b’kollox taw lilhom infushom bil-ħabi, żieda ta’ €120,000 kull wieħed iżda lura ħallsu biss €20,000. Jiġifieri kull wieħed u waħda minn dawn id-9 membri tas-shadow cabinet ta’ Simon Busuttil żammew għalihom €100,000 f’żidiet biss. Dawn l-eks Ministri u Segretarji Parlamentari Nazzjonalisti għadhom sal-lum jiddefendu l-fatt li żammew f’buthom dawn il-€100,000 u bl-ebda mod ma huma disposti li jagħtuwhom lura.

 Għalhekk għandu jkun Simon Busuttil li tant jippriedka dwar l-awtorità morali u dwar il-politika onesta li dalgħodu jiddikjara li qed jitlob lil dawn id-deputati tiegħu biex jagħtu lura dawn il-kważi miljun ewro li żammew għandhom frott deċiżjoni li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kien jintqal li kienet deċiżjoni żbaljata. Fl-istess ħin Busuttil għandu d-dmir ukoll li jispjega kif matul il-kampanja elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali huwa stess kien iddikjara li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari Nazzjonalisti kienu taw lura l-flus kollha li kienu ħadu miż-żieda tal-€500 fil-ġimgħa, xi ħaġa li issa qed jirrizulta bil-fatti li ma ġratx. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, li tant għandu għal qalbu l-politika onesta, għandu jispjega għaliex dakinhar għażel li ma jgħidx il-verità.

 Biex ikun kredibbli Dr Busuttil irid jgħaddi mill-kliem għall-fatti ttemm tgħid l-istqarrija tal-partit laburista

 

More in Politika