ILLUM jinsab informat li disa’ eks membri tal-Kabinett tal-aħħar gvern Nazzjonalista, li llum għadhom membri tas-shadow cabinet ta’ Simon Busuttil żammew qrib il-€1 miljun bejniethom miż-żieda li kienu taw lilhom infushom wara l-elezzjoni ġenerali tal-2008.
Il-kontroversja dwar iż-żidiet li l-membri tal-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi taw lilhom infushom reġgħet tqajmet dil-ġimgħa mill-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament. Il-Prim Ministru qal li b’kollox il-15-il membru tal-Kabinett Nazzjonalista bejn l-2008 u l-2012 ħadu €1.6 miljun bħala żieda biss fis-salarji tagħhom, u taw lura €300,000.
Iż-żieda fil-pagi tal-Ministri u Segretarji Parlamentari Nazzjonalisti kienet waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa l-Kabinett wara l-elezzjoni ġenerali tal-2008, anki jekk din qatt ma kienet issemmit matul il-kampanja elettorali. Kien biss lejn tmiem l-2010 li bdew isiru magħrufa l-ewwel dettalji dwar din iż-żieda.
Jirriżulta li f’Mejju tal-2008, b’deċiżjoni tagħhom stess il-Ministri u Segretarji Parlamentari Nazzjonalisti ddeċidew li b’effett minn xahrejn qabel, iżidu mas-salarju tagħhom bħala Ministri u Segretarji Parlamentari, duty allowance ta’ 20% ta’ dan is-salarju, is-salarju ta’ Membru Parlamentari u miegħu żiedu allowance ieħor ta’ 20% ta’ skala 1 taċ-Ċivil u ħolqu postage allowance ta’ €1,500. Dawn l-aħħar erba’ benefiċċji ma kienu qatt jingħataw lill-Ministri u lis-Segretarji Parlamentari fis-snin ta’ qabel. B’dan il-mod il-Ministri u Segretarji Parlamentari Nazzjonalisti żiedu d-dħul tagħhom b’medja ta’ €30,000 fis-sena.
Din il-ġimgħa f’kummenti mal-mezzi tax-xandir id-deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista u eks Ministru Mario DeMarco qal li ż-żieda li kienu ħadu huwa u sħabu kienet biss il-ħlas ta’ salarju ta’ Membru Parlamentari. ILLUM iżda tista’ tikkonferma li fil-verità DeMarco u l-Ministri Nazzjonalisti bejn l-2008 u l-2012 tħallsu mal-€25,000 f’benefiċċji oħra bħala żieda fid-dħul tagħhom, lil hinn mill-fatt li kienu bdew jirċievu żewġ salarji, dak ta’ Ministri jew Segretarji Parlamentari u dak ta’ Membru Parlamentari.
Kien biss fil-bidu tal-2011, li Lawrence Gonzi kien qal li kienet se tingħata lura ż-żieda li ngħatat lill-kabinett. Dakinhar kienet ingħatat l-impressjoni li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari kienu se jagħtu lura ż-żidiet kollha. Madankollu fil-verità ngħata lura biss id-dħul mill-allowance ta’ 20% ta’ skala 1 taċ-Ċivil. Mill-bidu tal-2012 imbagħad il-Ministri u Segretarji Parlamentari Nazzjonalisti bdew jieħdu biss is-salarju tagħhom bħala membri tal-Kabinett u d-duty allowance ta’ 20% ta’ dan is-salarju. Madankollu ma taw xejn iktar lura.
Disgħa mill-Ministri jew Segretarji Parlamentari li kienu fil-kabinett ta’ Lawrence Gonzi, llum għadhom membri fis-shadow cabinet ta’ Simon Busuttil. Dawn huma Mario DeMarco, Chris Said, George Pullicino, Carm Mifsud Bonnici, Jason Azzopardi, Joe Cassar, Giovanna Debono, Mario Galea u Clyde Puli. DeMarco u Said illum jagħmlu anki parti mit-tmexxija tal-PN. ILLUM tinsab informata li bejniethom dawn il-membri tas-shadow cabinet ta’ Simon Busuttil żammew qrib il-€1 miljun miż-żieda li kienu taw lilhom infushom.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fl-aħħar elezzjoni ġenerali meta kienu għadu Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali fl-20 ta’ Frar 2013, kien iddikjara li l-Ministri Nazzjonalisti kienu taw lura l-ħlasijiet kollha li kienu ħadu.