Il-Ministru Leo Brincat irrifjuta 63 safra minħabba nuqqas ta' baġit

Jgħid li fl-2012 l-MTA ħallset €12,000 għad-delegazzjoni mmexxija minn Demarco f'Rio de Janeiro

irrifjuta 63 safra uffiċċjali
irrifjuta 63 safra uffiċċjali

Il-Ministru Leo Brincat irrifjuta 63 safra uffiċjali minħabba nuqqas ta' finanzi u siefer 21 darba f'sena u nofs, fejn f'erba' okkażjonijiet biss ma kienx akkumpanjat miċ-Chief of staff tiegħu Louis Borg, darbtejn il-Lussemburgu, darba Ruma u darb'oħra Bonn. Dawn is-safriet b'biljetti tal-ajru u spejjeż oħra swew lil Ministeru €143,360.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, ambjent u tibdil fil-klima, Leo Brincat kien qed iwieġeb fil-Parlament mistoqsija mill-membru Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

Leo Brincat qal li "Dan juri b’mod ċar x’baħar jaqsam hemm bejn l-allegazzjonijiet infondati u malinni li ġew ippubblikati fil-ġurnal In-Nazzjon din il-ġimgħa fejn ġie allegat li jien flimkien mad-delegazzjonijiet li mexxejt infaqna miljun ewro f’biljetti ta’ safar f’dawn l-aħħar 19-il xahar."

Leo Brincat kompla fuq dan meta qal li l-akbar spiża li l-ministeru kellu jiffaċċja kienu l-kontijiet pendenti ta’ biljetti tal-ajru li ħalla warajh l-Onor. George Pullicino fil-Ministeru tiegħu, li skont l-informazzjoni li nġabret kienu jammontaw għal ċirka €170,000, liema spiża tħallset kollha f’dawn l-aħħar 19-il xahar.

Leo Brincat kompla jwieġeb il-mistoqsija hekk, "Dan jikkontrasta bil-kbir ma’ dak li kien isir fl-imgħoddi fejn spiss kienu ntefqu spejjeż relatati ma’ safriet Ministerjali minn fuq il-MEPA barra li f’ċerti każi oħra bħal pereżempju fil-każ tal-Konferenza tal-Iżvilupp Sostenibbli li saret f’Rio de Janiero f’Ġunju tal-2012 fejn minn delegazzjoni ta’ 8 uffiċjali kien ħareġ ċar li l-Malta Tourism Authority (MTA) spiċċat ħallset 'il fuq minn €12,000 għall-akkomodazzjoni tad-delegazzjoni mmexxija mill-eks Ministru Demarco għal konferenza ambjentali li ma kellha xejn x’taqsam mat-turiżmu.

"Biex nikkonferma dan għandi f’idejja email li se npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tal-eks CEO tal-Malta Tourism Authority Josef Formosa Gauci, indirizzata lis-Segretarju Permanenti ta’ dak iż-żmien Peter Portelli (MTCE) – Tabella Ċ –  fejn qalu li mhux sewwa li l-MTA għad għandha bilanċ kbir ta’ pagamenti x’tirkupra mill-Ministeru ta’ Dr. Demarco talli kellha tagħmel tajjeb għall-vjaġġi tal-Ministeru tiegħu."

More in Politika