"Tajna lura ż-żieda iżda mhux l-onorarja" - Jason Azzopardi

Jason Azzopardi jgħid li fi stqarrija Lawrence Gonzi kien qal li se tingħata lura biss iż-żieda fuq l-onorarja

ritratt: Chris Mangion
ritratt: Chris Mangion

Avukat Jason Azzopardi li kien ministru tal-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur, tkellem dwar il-kwistjoni taż-żieda fl-onorarja u l-flus li l-Prim Ministru qed jgħid li huma żammew f'intervista li għamel mal-ILLUM.

“F’Jannar tal-2011 il- Prim Ministru ta’ dakinhar, Lawrence Gonzi kien ħareġ stqarrija li kienet waħda ċara: li ż-żieda fl-onorarja għall-Ministri u Segretarji Parlamentari kellha tiġi rritornata. U aħna rritornajnieha. Iżda aħna qatt ma konna kommessi li nagħtu l-onorarja lura imma biss iż-żieda fuqha,” qal Jason Azzopardi.

“Fl-2008 aħna kellna l-iżgħar Kabinett, u dak iż- żmien il-Prim Ministru kien ta lill-Ministri u lis-Segretarji Parlamentari l-onorarja li jieħdu l-membri tal- Parlament l-oħra, flimkien mas-salarju li kellna u żieda ta’ 20% fuqha.” L-onorarja għall-membri tal-Kabinett hi 50% tal-Iskala 1 (€41,209) li tfisser li kull Membru Parlamentari jieħu €20,600.

Issa dak iż-żmien il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, minbarra s-salarju ta’ Ministru kienu ngħataw l-onorarja + 20% aktar mill- Membri Parlamentari l-oħra (70% ta’ Skala 1 - €28,846), bir-raġuni tkun li dawn ma setgħux jagħmlu xogħol privat relatat mal-professjoni tagħhom filwaqt li l-Membri Parlamentari setgħu.

Kien dan il-fattur li kien qajjem pandemonju madwar Malta għax dan kollu sar bil- moħbi tal-Parlament. Skont l-eks Ministru Nazzjonalista Jason Azzopardi, id-deċiżjoni kienet li tingħata lura ż-żieda fuq l-onorarja u mhux l-onorarja kollha, jiġifieri l-20% iżjed fl-onorarja (€8,246) u mhux l-onorarja kollha.

Sadattant il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-kabinett tiegħu neħħa l-onorarja għall-Ministri u Segretarji Parlamentari u qed jgħid li disa’ deputati fuq in-naħa tal- Oppożizzjoni ma rritornawx l-onorarja.

Jason Azzopardi qal ukoll li l-Prim Ministru neħħa l-onorarja iżda hu ħa żieda bil-pulit meta kera l-karozza tiegħu lilu nnifsu li minnha se jdaħħal madwar €70,000 tagħha, filwaqt li ta ħafna rwoli lid-deputati fejn hemm minnhom qed jaqilgħu aktar minn Ministri u anke aktar mill-Prim Ministru.

Azzopardi qal ukoll li sar rapport mill-Ombudsman, il-Kummissarju Elettorali u l-Awditur Ġenerali dwar l-onorarja u l-Ministri li baqa’ ma ġiex ippubblikat. L-eks ministru qal li wieħed irid jifhem li Ministru, barra l-ħin li jaħdem ikollu wkoll ħafna spejjeż, fejn qal li meta kien Ministru hu, kien ikun mistieden madwar 72 tieġ f ’sena, “u jien ma kontx wieħed mill-aktar li kont inkun mistieden, sħabi kien ikollhom ħafna stediniet.”

 

More in Politika