Evarist Bartolo f’diskors qasir fil-parlament qal li l-Oppożizzjoni qed iġġib ruħha bħal verġni bla tebgħa li qatt m'għamlet dnub. Bartolo xebbah lill-Oppożizzjoni li huma nies li qishom qatt ma kienu fil-gvern u qed jippritkaw qisu dejjem kienu bla tebgħa u llum qed iħossuhom li jistgħu jitkellmu b'arroganza li tistenniha biss minn Fariżej.
Hu semma wkoll li skont ir-rapport tat-telfa tal-PN wieħed isib li huma ma kinux safja u bla tebgħa fejn anke kien ħareġ ċar li l-partit tagħhom inħakem minn klikek li ma setgħux jitrażżnu.
Semma lil Żeppi l-Ħafi u anke l-iskandlu taż-żejt fejn Gonzi qal li kull meta kellu xi rapport dejjem wasslu għand il-Kummissarju tal-Pulizija u anke lill-awtoritajiet kompetenti. Semma wieħed mill-iskorta tal-Prim Ministru Gonzi li kien tah file b’dokumenti dwar l-iskandlu taż-żejt fl-2012 u Gonzi kien qallu biex jeħodhom għand is-superjuri tiegħu fis-servizzi sigrieti u dan fil-fatt obdieh. Skont il-Ministru Bartolo l-każ spiċċa għand ministru tal-gvern ta’ dakinhar u l-file ġie ordnat biex jinqered. Bartolo qal li hu lest li jsemmi l-ismijiet jekk jiġi sfidat u fil-parlament semma biss l-inizjali ta’ RS u BP.