Prinċep mis-Sawdi Arabja Al-Waleed Al Saud se jkun qed iqatta' ġurnata f'pajjiżna wara li llum rċieva Ġieħ ir-Repubblika għal xogħol ta' karità li qed jippjana li jagħmel f'pajjiżna. Hu mistenni li l-prinċep se jqatta' l-ġurnata tiegħu jħares lejn investimenti fil-pajjiż.
Al-Waleed wasal f'pajjiżna dalgħodu bl-ajruplan privat tiegħu. Sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta qalu li fuq dan l-ajruplan għandu wkoll tron, sabiex ikun jista' jpoġġi fuqu waqt it-titjiriet tiegħu. Huwa deskritt bħala l-iktar negozjant influwenti fid-dinja Għarbija. Al-Waleed għamel xogħol filantropiku fi 83 pajjiż madwar id-dinja u jidher li issa tefa' ħarstu fuq Malta.
Al-Waleed li huwa wkoll membru tal-familja rjali tas-Sawdi Arabja, ġie msejjaħ l-ewwel wieħed biex jirċievi l-unur, qabel il-Maltin.
F'Marzu tal-2013, Forbes klassifikat lil Al-Waleed fis-26 post fost l-iktar irġiel sinjuri fid-dinja, Forbes kiteb li l-valur tiegħu kien ta' $20 biljun iżda Al-Waleed kien immedjatament fetaħ libell kontra Forbes u qal li l-valur nett tiegħu huwa ta' $26 biljun. F'Diċembru 2013 Bloomberg qal li l-valur tiegħu kien ta' $30 biljun.
Il-Prinċep li għandu 59 sena u huwa ddivorzjat għandu Baċellarat fl-Arti u x-Xjenza mill-Kulleġġ Menlo f'Kalifornja.
Fl-2013 l-artiklu ta' Forbes ukoll iddeskriva l-palazz Riyadh tiegħu b'420 kamra, l-ajruplan privat tiegħu Boeing 747 mgħammar bi tron u 120-ettaru ta' art fit-tarf tal-kapitali Sawdita fejn għandu ħamest idjar, ħames lagi artifiċjali u Grand Canyon ċkejken.
Fost il-propjetajiet tiegħu jinkludu l-lukanda George V f'Pariġi, il-Fairmont Plaza fi New York City, The Savoy f'Londra u Four Seasons f'Toronto.