L-ERA post Mallia
Diversi politiċi minn kull partit u sfera jgħidu tagħhom dwar il-politika ta' wara l-każ Mallia
minn Veronica Lynn Mizzi
Il-ġurnali u l-aħbarijiet f’dawn l-aħħar tliet ġimgħat kienu kollha ffukati fuq l-istess storja, li ovvjament kompliet tikber minħabba l-involviment ta’ nies prominenti fix-xena politika. Wara li għadda l-każ u ħareġ ukoll ir-rapport tal-inkjesta li saret minn grupp ta’ eks imħallfin, u anke wara ir-riżultat tad-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Prim Ministru b’effett immedjat hekk kif intemmet l-inkjesta, x’inhi t-triq ’il quddiem? X’inhuma l-effetti li dawn it-tibdiliet se jħallu fuq bosta entitajiet fil-pajjiż bħal Pulizija, l-Parlament, il-Gvern u l-midja lokali fost l-oħrajn, li kollha kemm huma kellhom sehem importanti f’dak kollu li seħħ?
David Agius - Whip tal-Grupp Parlamentari u Kelliem għall-Gvern Lokali
L-effett tal-iskandlu Mallia fuq il-Parlament hu wieħed ewlieni. Hu ċar issa li l-Oppożizzjoni qed turi kemm hi effettiva u kredibbli. Qed tipproponi liġijiet ġodda f'ħafna oqsma u mozzjonijiet diversi. Min-naħa l-oħra, qed twettaq dak li hu d-dmir ewlieni ta' Oppożizzjoni, li żżomm lill-Gvern responsabbli għal għemilu.
Ann Fenech – President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-PN
L-isparar ta’ arma tan-nar fil-pubbliku minn persuna li apparti li kien xufier ta’ Ministru, huwa wkoll pulizija u jgawdi l-fiduċja sħiħa tal-Ministru li hu responsabbli għaż-żamma tal-ordni u s-sigurtà ta’ kulħadd, ixxukkjat il-poplu kollu bla distinzjoni politika.
Karol Aquilina – President tal-Kunsill Amministrattiv PN
l-kredibbilità tal-Prim Ministru ħadet daqqa kbira ’l isfel għaliex wera kemm mhux kapaċi jieħu deċiżjonijiet biex jiġġieled l-abbużi. Muscat dam jiċċassa għal 19-il ġurnata u 16-il siegħa minflok ħa l-unika deċiżjoni li seta’ jieħu fiċ-ċirkostanzi, dik li minnufih ikeċċi lil Manwel Mallia minn Ministru. Muscat wera kemm hu dgħajjef u spiċċa jaġixxi mhux minħabba l-konvinzjoni tiegħu, iżda għax l-opinjoni pubblika kienet bil-qawwa kontrih.
Arnold Cassola – Ċermen tal-Alternattiva Demokratika
Dan il-każ uriena l-istat miżeru li jinsabu fihom it-trasparenza u l-kontabilità fil-politika Maltija. Il-PN fil-Gvern kien abdika milli jassumi responsabbiltà politika meta ħalla lil Austin Gatt u lil Tonio Fenech joħorġu ‘scott free’ fil-każijiet rispettivi taċ-ċermen tal-Enemalta korrott sa snienu fix-xiri taż-żejt u tas-Segretarju personali tal-Ministru Fenech li kien instab ħati li xxaħħam. Il-Prim Ministru Muscat ukoll ipprova jgħatti l-gideb evidenti tal-Ministru Mallia, imma l-evidenza tal-fatti u l-għajta tal-opinjoni pubblika kienu tant qawwija li fl-aħħar kien imġiegħel ikeċċi lill-Ministru.
Daniel Micallef – President tal-PL
Kien episodju li xxokkja u dejjaq lil kulħadd. Ittieħdet azzjoni immedjata, fejn wara inkjesta indipendenti rajna azzjoni politika b'saħħitha tittieħed fi ftit ħin - azzjoni bla preċedent. Nemmen li tali azzjonijiet għandhom u ser ikunu l-kejl il-ġdid fejn tidħol responsabbiltà amministrattiva u politika f'dan il-pajjiż.
Ian Borg – Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej
Għall-ewwel darba, rajna Prim Ministru li qam għall-okkażżjoni. Wara ftit
minuti biss li rċieva r-rapport ta' inkjesta indipendenti, li nżammet skont
poteri mogħtija lilu mil-liġi ta' Malta, ħa deċizjoni iebsa li jneħħi ministru ewlieni mill-Eżekuttiv.
Nikita Zammit Alamango – Viċi President FŻL
L-effetti tal-każ tax-xufier tal-eks-Ministru Mallia nemmen li se jkunu diversi. Il-fatt li l-Ministru Carmelo Abela mhux ġej mill-qasam legali jew dak pulizjesk se jgħin sabiex ikun jista’ jibda paġna ġdida fit-tmexxija ministerjali.
L-artiklu kollu jinsab fil-ħarġa tal-ILLUM