"Kienet illużjoni li wieħed jaħseb li r-Rebbiegħa Għarbija kienet se twassal għall-adozzjoni tal-valuri ‘Ewropej’ mill-pajjiżi Għarab. Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni Maltija tal-Grupp S&D fil-Parlament Ewropew Alfred Sant waqt li kien qed jitkellem f’attivita’ f’ġieħ Ahmed Al Zenussi li qatta’ 31 sena fil-ħabs fil-Libja wara li kien akkużat li ipprova jwaqqa’ l-Gvern ta’ Gaddafi fl-1970. Sant qal li illum ħafna Għarab iqisu li l-Ewropa li qieset biss l-interessi tagħha fir-Rebbiegħa Għarbija.
Sant qal ukoll li l-liberta’ u d-drittijiet ġodda huma rarament miksuba bl-intervent ta’ poteri barranin, iżda jinkisbu minn valuri ta’ popolazzjonijiet li jfittxu l-kenn mill-inġustizzja u l-oppressjoni. "Dan kien il-mod kif il-valuri fundamentali tal-Ewropa ġew dikjarati fil-passat. Dan minkejja li dawn id-dikjarazzjonijiet mhumiex perfetti u jonqoshom aktar żvilupp".
Sant irringrazzja lil Al Zenussi li ġab il-messaġġ ta’ esperjenza u tama lill-poplu Malti u iddeskrivih bħala ‘xhieda ħajja ta’ proċess li eventwalment jippromwovi ġenerazzjonijiet ġodda ta’ poplu kommessi għad-drittijiet tal-bniedem li mhux neċessarjmanet ikunu ewroċentriċi.