Kmieni dalgħodu l-Prim Ministru Malti u l-President tal-Azerbaijan iddiskutew ir-relazzjonijiet diplomatiċi, politiċi u ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Waqt il-laqgħa ġew diskussi b'mod partikolari l-opportunitajiet ta' investiment bejn iż-żewġ pajjiżi b'mod partikolari fl-oqsma tal-kummerċ, enerġija, trasport, it-turiżmu u koperazzjoni fir-reġjun tal-Mediterran.
Ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jieħdu iktar importanza fid-dawl tal-pożizzjoni li qed tieħu l-Unjoni Ewropea fejn qed tħares lejn dan il-pajjiż b'mod strateġiku bħala sieħeb fuq diversi oqsma ekonomiċi, b'mod partikolari fil-qasam tal-enerġija.
Dr Muscat qal li l-pożizzjoni ta' Malta fil-Mediterran u l-Ewropa tiftaħ opportunitajiet fir-reġjun għax tista' titqies bħala pont bejn l-Ewropa u l-Afrika.
Il-Prim Ministru qal ukoll li Malta tappoġġja relazzjonijiet usa ta' koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Azerbaijan. Qal li l-Eastern Partnership huwa qafas multilaterali fejn jistgħu jsiru diskussjonijiet bejn sħab tal-Lvant tal-Ewropa u membri tal-Unjoni Ewropea iżda hemm ukoll modi oħra fosthom ftehim mfassal għall-Azerbaijan u li qed jiġi kkunsidrat minn Brussell.
Minn naħa tiegħu l-President tal-Azerbaijan qal li kull relazzjoni politika għandha twassal għal rizultati prattiċi u li jinħassu fil-pajjiżi rispettivi. Tkellem ukoll dwar il-mod kif l-Azerbaijan qed tħares li tkompli tiftaħ ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fi ftehim iktar strateġiku li jaqbel lill-Ewropa u lill-Azerbaijan.
Il-President Aliyev qal li fl-aħħar xhur kellu laqgħat f'Baku u f'pajjiżi oħra mal-Prim Ministri tar-Renju Unit, Italja u Greċja u l-President ta' Franza fost l-oħrajn, u li ftehim sinċier bejn l-UE u l-Azerbaijan dwar il-qasam tal-enerġija qed ibiddel il-mappa tal-enerġija fl-Ewropa.
L-Azerbaijan għandu ftehim ta' koperazzjoni u sħubija strateġika ma' tmien pajjiżi Ewropej oħra.