L-awdituri tas-settur pubbliku dalgħodu attendew Seminar dwar żviluppi u inizjattivi fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ECA) in konnessjoni mal-awditjar tal-baġit tal-Unjoni Ewropea. Is-Seminar ġie organizzat flimkien bejn il-ECA u l-NAO u fih ħadu sehem l-awdituri u l-uffiċjali tal-NAO u dawk tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni u tal-Awditjar Intern (IAID) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Is-Seminar kien indirizzat fosthom mill-Awditur Ġenerali, Anthony C. Mifsud, Dr Louis Galea, Membru tal-ECA, Jacques Sciberras, Team Leader fil-ECA, u Brian Vella, Assistent Awditur Ġenerali.
Fl-intervent tiegħu Louis Galea tkellem dwar l-importanza tal-kontabilità’ permezz ta’ awditjar b’saħħtu u rilevanti. “L-iskopijiet tal-Unjoni Ewropea ma jintlaħqux biss bis-saħħa ta’ fondi Ewropew imma wkoll permezz ta’ fondi nazzjonali investiti f’ċerti strumenti ta' politika u attivitajiet tal-Unjoni Ewropea fid-diversi Pajjiżi Membri. Eżempji ta’ dawn l-oqsma huma: l-istrateġija Ewropa 2020; aspetti differenti ta' kordinazzjoni ekonomika taħt is-Semestru Ewropew; żviluppi ġodda relatati mas-Superviżjoni Bankarja bħall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU).”
Galea qal ukoll li l-ECA tfittex modi ta' kif tappoġġja l-iskrutinju parlamentari f’dawn l-oqsma permezz ta' koperazzjoni ma' awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar fl-Istati Membri. Sostna li l-ECA tissorvelja r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali mhux biss biex tfittex li dawn jimplimentaw il-baġit b'konformità akbar mar-regoli, iżda wkoll li jwasslu valur miżjud liċ-ċittadini. “L-iskop tal-iskrutinju tal-Parlament Nazzjonali u tal-NAO hu li jħalli effett profond fuq il-prestazzjoni (performance) u l-kontroll tal-entitajiet u s-sistemi kollha involuti fil-ġestjoni tal-infiq tal-UE f'Malta”.