Il-Gvern għandu jippubblika l-kuntratti kollha dwar l-enerġija

Joseph Muscat għandu jieqaf jaħbi l-kuntratti – Mario de Marco

“Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jieqaf jaħbi l-kuntratti li hu u l-Ministru Konrad Mizzi ffirmaw minn Marzu 2013 sal-lum u jippubblikahom mill-aktar fis possibli. Hu biss meta dawn il-kuntratti jkunu ġew ippubblikati kollha li jista' jsir dibattitu kif jixraq fil-Parlament”. Dan qalu l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha nsista li l-Gvern għandu jieqaf jidħaq bin-nies u jgħid li ppubblika l-ftehim li għamel mal-Gvern Ċiniż. Dak li ppubblika l-Gvern huwa biss ‘investment agreement’ u ma fihx id-dettalji li jkun fih kuntratt bħal dak.

De Marco saħaq li fost l-oħrajn, dak li ppubblika l-Gvern għandu neqsin ir-rati u d-dati tal-konverżjoni għall-gass, ma hemmx dati għall-ħlasijiet kif ukoll l-iskadenzi tal-ftehim kif ukoll ma hemmx referenza għall-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta

“Il-Gvern ma jistax jistenna li l-Oppożizzjoni tiddiskuti l-kuntratti li hu ffirma dwar l-enerġija mingħajr ma tkun għamlet analiżi tagħhom” qal il-kelliem Nazzjonalista. Qal li fost il-kuntratti li għadhom ma ġewx ippubblikati hemm il-ftehim tax-xiri tal-impjant tal-BWSC mill-Gvern Ċiniż, is-seven-year business plan tal-Korporazzjoni Enemalta, il-power-purchase agreement bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ċiniż, il-ftehim mal-konsorzju Electrogas dwar il-bini tal-Powerstation il-ġdida u il-power-purchase agreement bejn il-Gvern Malti u l-Electrogas

Temm jghid li f'dan l-ispirtu li l-Oppożizzjoni qed tinsisti mal-Gvern li qabel ma jsir dibattitu fil-Parlament, jippubblika l-kuntratti kollha li ffirma fis-settur tal-enerġija.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech u l-Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino.

 

More in Politika