Filwaqt li l-bqija tad-dinja għaddejja minn diffikultajiet, l-ekonomija Maltija sejra tajjeb ħafna, tant li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna huwa wieħed mill-ogħla fiż-żona ewro. Din hija waħda mill-konklużjonijiet ewlenin li wasal għaliha l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) wara li bagħat delegazzjoni ta’ esperti f’Malta biex tanalizza s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna.
L-ekonomisti internazzjonali jirrimarkaw li l-qgħad niżel għal livelli rekord u li l-bilanċ estern ta’ pajjiżna baqa’ b’saħħtu. L-IMF qed ibassru wkoll li t-tkabbir ekonomiku għall-2015 u l-2016 se jibqa’ jkun b’saħħtu grazzi għall-proġetti ta’ investiment u żieda qawwija fil-konsum privat, xprunata minn titjib fil-pagi u żieda fl-impjiegi.
Iċ-ċertifikat pożittiv mill-Fond Monetarju Internazzjonali wasal minkejja li l-Oppożizzjoni f’pajjiżna qed tara bozzoz ħomor waqt li titkellem fuq tnaqqis inkwetanti fl-esportazzjoni, twissi li mhux qed jinħolqu biżżejjed impjiegi u tbeżża’ li s-settur tal-bejgħ qed jaffaċja kriżi u li hawn għafsa fid-dħul tal-ħaddiema.
L-esperti tal-IMF isostnu fuq il-ħtieġa li l-Gvern jaħtaf l-opportunità li tagħtih is-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna biex ikompli jagħmel ir-riformi. Fost l-oħrajn biex tissokta l-ħidma li tindirizza d-dejn nazzjonali li għandha Malta – li rdoppja taħt it-tmexxija tal-finanzi pubbliċi mill-eks Ministru Tonio Fenech.
Il-Fond Monetarju Internazzjonali jsemmi diversi riformi li tħallew lura għal snin twal fosthom riformi fis-saħħa, pensjonijiet u entitajiet pubbliċi. Fil-konklużjonijiet tagħhom, l-ekonomisti internazzjonali jisħqu fuq l-importanza li jiżdied l-aċċess għall-finanzjament ta’ ażjendi żgħar u medji, u jsemmu miżuri li l-Gvern diġà qed jieħu passi fuqhom fosthom it-twaqqif ta’ bank ta’ żvilupp, miżuri favur spazju akbar fuq il-borża u fondi minn pajjiżi barranin.
Intant il-Gvern qal li dan ir-rapport jikkonferma li Malta miexja fid-direzzjoni t-tajba u li l-Gvern għandu jibqa’ jwettaq il-bidliet pożittivi biex il-familji u n-negozji beżlin tagħna jkomplu jilħqu l-potenzjal tagħhom.