REPORTER l-aktar popolari wara Xarabank

Se nkomplu REPORTER b’aktar suġġetti li n-nies iridu jisimgħu dwarhom – Saviour Balzan

Skont stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar mill-Awtorita tax-Xandir, jirriżulta li l-programm REPORTER ippreżentat minn Saviour Balzan hu l-aktar programm ta’ diskussjoni segwit wara Xarabank fuq l-istazzjon nazzjonali TVM. Il-programmi ta’ diskussjoni l-aktar segwiti huma Xarabank, Reporter, Dissett, Realtà u fl-aħħar Times Talk.

REPORTER jixxandar nhar ta’ Tnejn fid-21.55 ta’ filgħaxija, ħin li ħafna kienu jqisuh bħala tard wisq u li iżda issa jidher li hu ħin fejn diskussjoni tajba n-nies tibqa’ mqajma biex issegwi.

Matul dawn l-aħħar tlett xhur, il-programm iddiskuta diversi suġġetti meqjusa bħala suġġetti jaħarqu. Fost dawn kien hemm l-istaġnar fit-trasport pubbliku, il-qasam tal-enerġija, is-saħħa u kif ukoll l-etika u r-responsabbiltà politika fost oħrajn.

Mitlub jikkumenta fuq dan ir-riżultat, il-preżentatur Saviour Balzan qal li hu ta’ sodisfazzjon għall-produzzjoni tal-programm li x-xogħol li jinvolvi REPORTER qed ikun apprezzat mit-telespettaturi. “Il-programm jirrikjedi l-ħin tiegħu bħala preparamenti kemm fejn jidħlu l-kelliema kif ukoll il-produzzjonijiet viżwali li jidhru waqt il-programm. Kuntent li r-riżultati qed juru li n-nies qed japprezzaw dan il-programm u se nkomplu REPORTER b’aktar suġġetti li n-nies iridu jisimgħu dwarhom.”

REPORTER hu mtella’ mil-kamra tal-aħbarijiet ta’ Mediatoday bi produzzjoni ta’ Saviour Balzan u Frederick Attard.

More in Politika