Effiċjenza fil-Ħidma tal-Gvern
Importanti li nagħmlu l-ħajja iktar faċli għaċ-ċittadini – Evarist Bartolo
More in Politika
Importanti li nagħmlu l-ħajja iktar faċli għaċ-ċittadini – Evarist Bartolo
‘Effiċjenza fil-Ħidma tal-Gvern’ kienet it-tema ta’ konferenza imtella’ mill-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u Tnaqqis tal-Burokrazija Anthony Agius Decelis bis-sehem tal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo.
Matul il-konferenza ġie diskuss il-progress edukattiv fejn tkellmu Anthony Agius Decelis, il-Ministru Evarist Bartolo kif ukoll l-istakeholders mistiedna li esprimew is-suġġerimenti tagħhom.
Il-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u Tnaqqis tal-Burokrazija Agius Decelis emfasizza kemm l-edukazzjoni hija l-aqwa arma li għandna fid-dinja globalizzata u kompetittiva tal-lum u li din hija ċ-ċavetta għall-progress kemm għaċ-ċittadini b’mod individwali kif ukoll għall-pajjiż. Huwa esprima l-ħsieb tiegħu li għandu jkun hemm iktar kollaborazzjoni bejn il-Gvern, il-privat u l-istituzzjonijiet edukattivi bħalma hi l-Università fejn tidħol riċerka. Dan minħabba l-fatt li qed issir ħafna riċerka iżda din mhix tiġi utilizzata.
Il-Ministru Evarist Bartolo saħaq li huwa importanti li nagħmlu l-ħajja iktar faċli għaċ-ċittadini. Il-Ministru tkellem dwar l-idea li jkun aktar effettiv jekk isir inventarju tas-servizzi li qed jingħataw lill-pubbliku. Din tkun sempliċiment lista biex imbagħad naraw fejn u kif tista’ ssir is-simplifikazzjoni. Fl-istess waqt, il-proċeduri ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet għandhom dejjem ikunu trasparenti u li għandha tingħata spjegazzjoni ċara liċ-ċittadini ta’ x’inhu s-servizz u x’inhuma l-proċeduri konċernati.
Il-Ministru emfasizza wkoll li filwaqt li sar ħafna progress siewi fejn jidħlu servizzi offruti online, u li dawn iridu jkomplu jiżdiedu, ma rridux ninsew lil dawk il-persuni li jew m’għandhomx biżżejjed edukazzjoni jew aċċess għall-użu ta’ sistemi elettroniċi li jistgħu jagħmlu użu minn dawn is-servizzi. Għaldaqstant, dawn is-servizzi għandhom jibqgħu jingħataw b’mod dirett ukoll biex ikunu ta’ għajnuna għal kulħadd.
Il-Ministru semma bosta inizjattivi li ttieħdu iżda x-xogħol dejjem irid ikompli hekk kif jibqa’ l-fatt li għad fadal xi jsir f’diversi setturi.
Il-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u Tnaqqis tal-Burokrazija Anthony Agius Decelis kif ukoll il-Ministru Evarist Bartolo ħeġġew lil dawk preżenti jkomplu jressqu l-proposti li jkollhom biex dejjem intejbu s-servizzi edukattivi.