L-ILLUM għandha dokumenti fejn jidher ċar li hemm diskrepanza qawwija u nuqqas serju ta’ trasparenza bejn dak li kien hemm proponut fl-espressjoni ta’ nteress, u li fuqha mxew dawk li ssottomettew l-espressjoni tagħhom, għal dak li finalment ngħata fil-kuntratt lil veterinarju Zammit li hu l-operatur attwali taċ-ċentru li jinsab f’Ta’ Qali.
Meta wieħed iħares lejn is-sejħa li kienet ħarġet kien hemm miktub ċar li min jintgħażel se jingħata kuntratt ta’ tlett snin bil-possibilta li jista’ jkun imġedded b’sena iżda, għal xi raġuni mhux magħrufa, u avolja ftit qabel l-għeluq tal-espressjoni kien intbgħatet ittra biex tfakkar lill-kulhadd it-terminu ta’ żmien li kien se jingħata, il-kuntratt li ngħata lill-Zammit hu ta’ ħames snin bil-possibilta’ ta’ estensjoni addizzjonali ta’ ħames snin oħra. Dan ifisser li Zammit għadu fl-ewwel ħames snin ta’ dan il-kuntratt.
Dokumenti juru li wieħed mill-bidders kien lest li joffri mingħajr ħlas servizzi ta’ ambulanza, kura, rikoverazzjoni kif ukoll tiswija lill-annimali li jgħixu barra t-triq u li jkunu miġbura mid-dipartiment tal-Animal Welfare. Madankollu s-servizz preżenti offrut minn Zammit ma’ joffri xejn minn dan kollu bla ħlas tant li din is-sena biss, id-dipartiment tal-Animal Welfare ħallas lil Zammit €99,000. Saru wkoll pagamenti oħra ta’ €91,000 fl’2013, €84,000 fl-2012 u €57,000 fl-2011 – total ta’ €331,000.
Kundizzjoni oħra mniżżla fl-espressjoni ta’ nteress kienet li min jintgħażel joffri s-servizzi taċ-ċentru b’xejn lill-għaqdiet non-governattivi li jaħdmu u jipprovdu servizzi lill-annimali iżda anke hawnhekk, l-operatur preżenti qed jitlob ħlas ta’ 80% tal-prezzijiet li normalment jitlob mingħand min jagħmel użu minn dan iċ-ċentru bħala servizz privat.
Diskrepanza oħra hi li l-espressjoni ta’ nteress kienet tispeċifika li l-manutenzjoni tal-post trid issir mill-operatur magħżul iżda din is-sena biss, id-dipartiment tal-Animal Welfare ħallas is-somma ta’ €54,000 f’manutenzjoni li kien hemm bżonn issir fil-post dejjem skont l-obbligi li hemm fil-kuntratt preżenti. Dan apparti li tħallsu wkoll mal-€25,000 oħra f’manutenzjoni tal-post fis-sentejn ta’ qabel.