Il-President b’messaġġ favur is-solidarjeta u l-għaqda
Appellat biex ma jinħolqux inizjattivi soċjali marbuta max-xogħol
minn John Busuttil
Il-President Marie Louise Coleiro fil-messaġġ tagħha għal Milied ibbażat id-diskors tagħha dwar il-ġustizzja soċjali, l-għaqda bejn il-Poplu Malti u Għawdxi u s-solidarjeta. Kien diskors bi kritika lejn il-gvern fejn ma qablitx u fl-istess waqt faħħret l-inizjattivi li ttieħdu favur il-ġustizzja soċjali u anke dwar it-tisħiħ fil-kamp tad-drittijiet ċivili.
Kien diskors kontra kull tip ta’ vjolenza u anke biex tinqered il-politika bla etika u l-militariżmu qerried. Faħħret il-mod kif ġew iċċelebrati l-anniversarji tal-avvenimenti li sawru lil-poplu Malti u Għawdxi.
Id-diskors tal-president beda billi tat ħarsa lura lejn dis-sena fejn qabblet il-wegħdiet ma dak li twettaq fejn talbet bie xkulħadd jirrifletti dak li wiegħed u dak li wettaq. Tkellmet dwar kif l-ewropa fakkret l-100 anniversarju ta’ gwerra li suppost kellha teqred kull gwerra u l-25 anniverarju mill-waqa tal-ħajt ta’ Berlin. “Iżda l-bniedem baqa jattakka l-ħajja”. Hawn semmiet Gaza, is-Sirja, Iraq, l-Afganistan, in-Niġerja u l-Ungerija, “għadna naraw għadajjar ta’ dmija, biċċeriji umani li jnikktu lil kulmin iħobb il-ħajja.” Qalet Marie Louise Coleiro Preca.
Bagħtet messaġġ qawwi lil politiċi fejn qalet li l-protokoll tas-silenzju quddiem dawn l-atroċitajiet hu mmorali, “nikkundanna tattiċi politiċi u kull attack fuq il-ħajja, il-vjolenza fid-djar, il-vjolenza virtwali, u l-massakru li rajna fil-Pakistan, fuq l-istudenti fil-Messiku u t-tfajliet fin-Niġerja.”
Appellat biex il-ġenituri jirrakuntaw lill-uliedhom fejn il-bniedem falla meta poġġa l-vjolenza qabel il-ħniena u r-raġuni.
“Aħdmu biex il-politika bla etika u l-militariżmu qerrieda u vjolenza oħra jitrażżn. Ma ħajjet il-bniedem ma nistghux inqabblu fejn jaqbel.”
Kompliet tgħid biex flimkien nagħmlu minn Malta mudell ta’ ħajja u paċi, belt kapitali fil-mediterran għal paċi. Qalet ukoll li “fl-2014 il-ħelu u l-morr tal-ħajja baqghu magħna, iżda mil-lat pożittiv f’dawn l-aħħar 12-il xahar iż-żewġ naħat tal-kamra ħadmu għalenija fuq diversi liġijiet li tejbu l-ħajja ta kategorija u saffi differenti tal-poplu Malti u Għawdxi. Innutajt soċjeta ċivili dinamika, kritika u attiva. Pajjiżna esperjenza aktar tisħih fil-kamp tad-drittijiet ċivili, l-ekonomija kompliet tkattar il-ġid u l-firxa ta’ servizzi soċjali, skemi, traħħis u għajnuniet finanzjarji ħaffew it-toqol tal-ħajja ta’ eluf ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin.” Semmiet l-erba anniversarji li servew biex ilkoll niriflettu dwar il-ġrajjiet li sawru lil poplu Malti u Għawdxi.
“L-2014 ma kinitx nieqsa mill-morr” qalet il-president, “Numru ta istituzzjonijiet għad iridu jirbħu l-fiduċja tal-poplu. Ir-responsabilita hi tal-ħaddiema bl-uniformi daqs kemm hi tas-superjuri tagħhom u tal-politiċi.”
Għaddiet messaġġ ukoll lil gvern dwar il-miżura tat-taħriġ għal xi wħud li jieħdu s-servizzi soċjali , “Dawk li huma nieqsa mill-affarijiet bażiċi tal-ħajja m’humiex f’kategorija waħda. Uħud minnhom qed ibatu minħabba raġunijiet ta’ saħħa fiżika jew mentali inkella minħabba ċirkostanzi oħra drammatiċi u għaldaqstant ma jistgħux jaħdmu. Għalhekk nappella biex noqogħdu attenti meta norbtu inizjattivi ġodda ta’ għajnuna soċjali max-xogħol biss, din il-formula mhux dejjem taħdem u tista tfaqqar aktar milli tillibera.”
Semmiet ukoll l-edukazzjoni fejn qalet li tifhem dak li jgħaddu minnu l-edukaturi għax hi ġejja minn familja ta’edukaturi u anke dwar l-ambjent, “L-ambjent hu l-pulmun ta’ pajjiżna, meta nfaqqru l-ambjent inkunu qed immardu lil poplu. Se nhallsu prezz qares ħafna u ma nistghux naggravaw aktar is-sitwazzjoni.”
Appellat għall-aktar għaqda fost il-familji, fost il-politiċi, komunitajiet u aktar solidarjeta ma’ min hu vulnerabbli. Faħħret lix-xmara ta’ nies li qed issib quddiemha lesti bie xjgħinu lil min hu inqas xxurtjat minnhom u qed ikunu ġenerużi ma’ ħuthom Maltin.
Temmet il-messaġġ billi awgurat il-Milied it-Tajjeb lil poplu Malti u Għawdxi kollu.