Politika dwar il-parkeġġ
IL-PARKING POLICY SE TITRESSAQ FIL-KABINETT FIL-ĠRANET LI ĠEJJIN
More in Politika
IL-PARKING POLICY SE TITRESSAQ FIL-KABINETT FIL-ĠRANET LI ĠEJJIN
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi llum ħabbar li l-Parking Policy għall-pajjiż kollu se tkun imressqa fil-Kabinett fil-ġranet li ġejjin u wara, tinfetaħ għall-konsultazzjoni pubblika. Il-Ministru esprima x-xewqa tiegħu li din tindirizza, fost oħrajn, in-nuqqas ta’ dixxiplina li għad għandna f’pajjiżna f’dak li huwa parkeġġ.
Huwa qal li jirrikonoxxi li din ħadet xi ftit tat-tul iżjed milli mistenni, għax din hija polza sensittiva ħafna u meta kien hemm xi entitajiet li talbu li ssir reviżjoni ta’ xi sottomissjonijiet, il-Gvern ma għalaqx il-bibien biex ifittex iħaffef iżda sema’ x’kellhom xi jgħidu u fetaħ mill-ġdid id-diskussjonijiet.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fir-Rabat fejn tħabbar li seba’ ristoranti ngħaqdu flimkien biex jiffaċilitaw l-attività kummerċjali fir-Rabat, mhux biss fil-Milied iżda matul is-sena kollha, billi joffru servizz ta’ park and ride lill-klijenti tagħhom.
Keith Psaila, f’isem is-sidien tar-ristoranti li ħolqu din l-inizjattiva, qal li din l-inizjattiva tawgura tajjeb għall-komunità kummerċjali fir-Rabat, li qed tagħraf tieħu azzjoni fuq problemi komuni li bihom jintlaqat kulħadd u li s-soluzzjoni għalihom hija waħda konġunta.
Is-servizz qed jingħata mir-ristoranti Cosmana Navarra, Bottegin Palazzo Xara, Palazzo Castelletti, Da Luigi, Toffee & Co, Peristyle u Grotto Tavern kull nhar ta’ Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija, bejn it-8.00pm u nofsilejl. Vetturi privati jistgħu jipparkjaw fi Triq it-Tiġrija, biswit it-Telgħa tas-Saqqajja fejn ikun hemm vann privat li jtella’ lill-pubbliku fir-ristoranti rispettivi u lura lejn il-vettura tagħhom b’mod frekwenti.
Filwaqt li kellu kliem ta’ tifħir għal din l-inizjattiva, il-Ministru ħeġġeġ biex aktar ristoranti u entitajiet jitħajru joħolqu inizjattivi simili. Huwa qal li dan ifisser li s-sistema tal-park and ridef’pajjiżna qed tindara sew u dan jidher mill-fatt li minn meta reġgħet għaddiet f’idejn il-Gvern u traħħas il-prezz b’mod sostanzjali, il-park and ride tal-Blata l-Bajda, qed tkun mimlija kuljum.
Il-Ministru ħabbar li fil-ftehim li ġie ffirmat fil-ġranet li għaddew mal-kumpanija Spanjola li se tieħu f’idejha t-trasport pubbliku f’pajjiżna, il-park and ride tal-Blata l-Bajda se tibqa’ tkun operata mill-Gvern, u din se tibqa’ bl-istess prezz tal-lum biex ikun vantaġġjuż għal kulħadd.