Kessler ikompli jiddgħajjef
Mogherini teskludi lil Kessler milli jmexxi inkjesta fuq l-Eulex . . .
More in Politika
Mogherini teskludi lil Kessler milli jmexxi inkjesta fuq l-Eulex . . .
Il-Kap tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, it-Taljana Federica Mogherini eskludiet lil Giovanni Kessler milli jmexxi inkjesta fuq il-Eulex, li hi l-aktar missjoni internazzjonali importanti Ewropea dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni kontra imħallfin u prosekuturi mibgħuta minn Brussell biex jistabbilixxu r-rule of law fil-Kosovo.
L-esklużjoni ta’ Kessler minn din l-inkjesta qed titqies bħala daqqa ta’ ħarta għalih hekk kif minfloku, Mogherini ħatret lill-Franċiż Jean-Paul Jacque, eks direttur tas-servizz legali tal-Kunsill Ewropew, biex imexxi l-investigazzjoni meħtieġa.
Din it-tip ta’ investigazzjoni normalment taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-OLAF li jmexxi Giovanni Kessler u għalhekk il-ħatra tal-Franċiż Jacque qed tiġi interpretata bħala daqqa ta’ ħarta oħra għalih meta hu diġà jinsab taħt pressjoni kbira mill-Parlament Ewropew, l-aktar mid-deputati tal-Partit Popolari Ewropew u l-Partit tal-Ħodor, għall-metodi meqjusa illegali fl-investigazzjoni li l-OLAF kienet għamlet fl-2012 liema investigazzjoni kienet wasslet għat-tmiem ta’ John Dalli bħala Kummissarju tal-UE.
Dalli għadu jsostni li t-tneħħija tiegħu kienet riżultat ta’ ftehim bejn politikanti fi Brussell li huma ħbieb tal-industrja tat-tabakk u elementi avversarji tiegħu f’Malta, fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, l-istess partit li hu kien jifforma parti minnu. Preżentament, Dalli għandu kawżi għaddejjin fil-Qorti ta’ Strasburgu kontra l-Kummissjoni Ewropea għal tneħħija inġusta mill-kariga li kien jokkupa bħala Kummissarju Ewropew.
Intant jidher li Giovanni Kessler issa wkoll qed jgħaddi minn sitwazzjoni fejn elementi fi ħdan l-istess partit tiegħu daru kontrih. Fil-fatt ilu żmien twil magħruf għan-nuqqas ta’ lealtà tiegħu lejn il-partit eks Komunista Partito Democratico li tiegħu hu kien deputat qabel ingħata l-kariga fl-OLAF. Il-PD ma’ kienx reġa’ aċċettah bħala kandidat wara li bħala membru tal-ġunta li tawtorizza interċettazzjonijiet telefoniċi, Kessler kien ivvota favur li dan isir kontra sieħbu fil-PD Vincenzo De Luca. De Luca kien għamel żmien jokkupa l-kariga ta’ sottosegretarju fil-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Enrico Letta.
Giovanni Kessler kisirha wkoll mal-kap preżenti tal-Partito Democratico u Prim Ministru Matteo Renzi meta dan l-aħħar beda jappoġġa bil-miftuħ lil Rosy Bindi, li qed tmexxi oppożizzjoni għall-politika tiegħu. L-appoġġ tiegħu lejn Bindi hu meqjus bħala raġuni oħra għala Mogherini, li hi ħabiba kbira ta’ Renzi, għażlet lill-Franċiż Jacque minflok lil Kessler.