Brutus jinbidel f’Eros... u s-sena t-tajba

Il-politiċi jxiddu maskri differenti għal kull okkażjoni

Awguri
Awguri

Bħal kull sena, mill-eluf ta’ snin l-oħra, is-sena 2014 spiċċat bit-tgħanniq, stediniet, rigali u awguri mimlija hena u paċi lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Bħal kull sena, dawn l-awguri għandhom niċċa kemmxejn qasira li sservi biss għal madwar ħmistax-il ġurnata. Għax meta jgħaddi l-effett tal-ispirtu qaddis u dak alkaħoliku huma l-ħafna li jerġgħu lura għall-karattru ta’ Brutus fid-dramm ta’ Shakespeare, Julius Caesar.

Jagħmlu hekk il-‘ħbieb’ u l-politiċi li jxiddu maskri differenti għal kull okkażjoni. Żgur li l-karattru ta’ Brutus daqu sew l-eks Ministru Mallia li f’din is-sena li għaddiet seta’ jesperjenza l-mod kif jaġixxi ħabib li trabba miegħu. Il-karattru ta’ Brutus żgur li daquh dawk is-suldati tal-azzar li għadhom jistennew jieħdu xi farka milli ħalla Lou Bondi warajh. Inutli nibqgħu nsemmu dawk li ħassew id-daqqiet tal-istallett f’daharhom f’mumenti u min-nies li qatt ma stennewha minnhom, għax nimlew mhux gazzetta waħda, iżda għal kumplament tas-sena li ġejja wkoll.

Għalhekk ta’ min imur lura fil-ħsieb ta’ dak li għadda minn fuq Malta din is-sena, u fl-istess waqt nittamaw li sena oħra mmorru aħjar. Nittamaw li dawk ir-riżoluzzjonijiet li jsiru f’dawn l-aħħar jiem tas-sena biex jinkisru ħmistax oħra, idumu kemxejn iżjed.  Forsi s-sena 2015 tkun differenti, sena li l-korruzzjoni tieqaf, dak li jiżbalja jieħu li ħaqqu u mhux jibqa’ biss imċappas bit-tajn mitfugħ lejh, id-daqqiet tal-istalletti jieqfu jingħataw minn wara, u l-ħbieb u l-għedewwa jaġixxu ta’ vera ħbieb u għedewwa, fejn kulħadd ikun jaf fejn jinsab. Iżda l-Malti jgħid li min jgħix bit-tama jmut bil-piena.

Din is-sena spikkaw stejjer kbar ta’ korruzzjoni, ħela ta’ flus il-poplu, qtil atroċi ta’ immigranti u abbuż ta’ poter li jippuntaw kollha lejn l-amministrazzjoni ta’ qabel, iżda li sa tmiem is-sena kollha baqgħu biss tiċpis li ħalla t-tajn warajh. Bħal kull sena li għaddiet, kulħadd jitkellem bl-għarukaża u kollox jintemm bil-poplu jitkaża. Għax naħa titfa t-tajn u naħa oħra tfarfar għax mhix hi kienet tikkmanda iżda l-‘kuġin’.

Din is-sena spikkat l-għajta tal-Oppożizzjoni dwar riżenji għal kull ħaġa ta’ xejn meta din il-kelma qatt ma kienet teżisti fid-dizzjunarju ta’ dik l-amministrazzjoni fil-Gvern. Spikkat ir-rebħa tat-tielet siġġu Nazzjonalista fl-Ewropa, anke jekk inġibed minn taħt tkaxkira oħra kbira. Min-naħa l-oħra, kif il-Gvern jiġi dahru mal-ħajt dejjem hemm l-istalett moħbi wara d-dahar, fejn mill-ewwel iwieġeb għat-tajn mitfugħ lilu, b’bajla konkos. Fejn diġà l-Oppożizzjoni ġiet imwiegħda li minn Jannar, il-Prim se jdurhom wieħed wieħed, biex jagħtihom dak li ħaqqhom. Imma dak is-sena d-dieħla. Illum nitgħannqu u nitbewsu u nawguraw sena mimlija risq u paċi.

Kien hemm ukoll l-affarijiet it-tajba, il-maratoni taż-żewġ partiti ġabru ftit ’il fuq minn miljun ewro bejniethom. Ir-roħs tad-dawl u l-ilma. L-ekonomija baqgħet tikber (bħal kull sena f’dawn l-aħħar 30 sena jew aktar). Id-dejn jonqos għan-naħa tal-Gvern u jikber għan-naħa tal-Oppożizzjoni. Il-qgħad baqa’ nieżel u x-xogħol baqa’ jiżdied, anke jekk l-Oppożizzjoni għandha l-‘imma’ għal dawn ir-riżultati.

Imsomma jibqa’ l-fatt li bħal kull sena, naħa tara l-ġenna u l-oħra tara l-infern, il-purgatorju hawn Malta ma jeżistix. Iżda dan kollu jinbidel meta l-President tagħna lkoll, la x-xitan irid hekk, tgħaqqad lil kulħadd għall-Istrina, fejn il-kapijiet, ministri, deputati, ħomor u blu u anke ftit il-ħodor jingħaqdu flimkien, u l-karattru ta’ Brutus jinbidel f’dak tal-Eros (l-alla tal-imħabba) ħalli wara ħmistax kwieti jkollna ħin naħsbu fejn nagħtu d-daqqa mortali kif idoqqu t-tokki ta’ nofsillejl li jilqgħu s-sena 2015. U bħal kull sena oħra dan l-editorjal inkunu nistgħu nużawh is-sena dieħla.

Sadanittant, l-ILLUM tawguralkom is-sena mimlija risq, hena u progress li jgħinkom tħarsu lura mingħajr ma tiġu minfuda qatt. Forsi editorjal kemxejn iebes u anke jidher negattiv, iżda hu editorjal ibbażat fuq ir-realtà u mhux fuq il-fantaxjenza.

IS-SENA T-TAJBA
 

More in Politika