Wara d-diskussjoni dwar it-turiżmu f'pajjiżna f'Reporter nhar it-Tnejn li għadda, Malta jirnexxielha tikseb post f'listi internazzjonali tal-isbaħ pajjiżi fejn wieħed għandu jqatta' btala fl-2015.
Valletta ġiet imsejħa bħala waħda mill-isbaħ postijiet fid-dinja li għandek iżżur matul l-2015.
Ir-rivista tal-ivjaġġar Travel & Leisure tefgħet lil Malta fit-13-il post minn 52 destinazzjoni globali.
Faħħret l-arkitettura tal-pajjiż bħala spettakolari u anke għamlet referenza għad-divertiment fi Strada Stretta, li iktar ma jmur iktar qed jieħu l-ħajja.
Travel & Leisure kitbu li minkejja ċ-ċokon kbir tal-pajjiż, Malta għandha storja unika, katidrali, palazzi, toroq pittoreski u portijiet mill-isbaħ.
Ir-rivista ma naqsitx milli ssemmi d-daħla l-ġdida tal-Belt Valletta, u t-teatru bla saqaf bħala wħud mill-attrazzjonijiet ġodda fil-kapitali Maltija.
Il-Belt Valletta kienet diġà msemmija mis-sit ta' fama mondjali TripAdvisor. Infatti din kienet poġġiet il-Belt Valletta fir-raba' post bħala wieħed mill-isbaħ postijiet li tista' żżur fl-2015.