L-Alternattiva taqbel li l-parlamentari għandhom ikunu full timers
Tgħid li kuntenta li l-Ombudsman inkluda diversi proposti tal-AD
More in Politika
Tgħid li kuntenta li l-Ombudsman inkluda diversi proposti tal-AD
Rapport li jirrakkomanda riforma parlamentari jservi ta’ bażi tajba għal diskussjoni, tgħid l-AD. Alternattiva Demokratika nnotat il-kontenut tar-rapport intitolat “Recommended Remuneration Mechanism for Holders of Political Office” imhejji mill-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju Elettorali Prinċipali.
AD tikkunsidra li meta wieħed jikkonsidra r-rapport fit-totalità tiegħu dan iservi bħala bażi tajba għal diskussjoni mhux biss dwar ir-rimunerazzjoni tal-politiċi imma anke dwar ir-riforma tal-Parlament li ilha ħafna żmien fuq l-ixkaffa.
Prof Arnold Cassola Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, żied jgħid li rappreżentanti ta’ AD iltaqgħu mal-awturi tar-rapport li, ġie innutat illi inkluda diversi proposti ta’ Alternattiva Demokratika. B’mod partikolari, qal il-Prof Cassola, AD tinnota b’sodisfazzjon li r-rapport jagħmel tiegħu wegħda fil-manifest elettorali tal-elezzjoni 2013 ta’ AD dwar il-htieġa li l-Parliament ikun wieħed full-time.
Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson ta’ AD qal li hu essenzjali li l-Membri tal-Parlament jiddedikaw il-ħin kollu tagħhom għall-ħidma Parlamentari għax dan huwa l-uniku mod kif jistgħu jwettqu r-responsabbiltà ewlenija tagħhom: li jgħarblu l-ħidma tal-Gvern. Cacopardo żied jgħid li r-rapport jirreferi ukoll għal proposta oħra ta’ AD li tisħaq fuq il-ħtieġa li l-Parlament jiltaqa’ f’ħinijiet li ma jkunux skomdi għall-familji.
Cacopardo ikkonkluda li huwa neċessarju li r-rapport ikun diskuss fit-totalità tiegħu. Mhuwiex aċċettabbli li jkun hemm min jiddiskuti biss partijiet minnu u jħalli barra dak li ma jinżillux.