
L-ogħla rata ta' impjiegi fl-istorja ta' Malta
Pajjiżna issa għandu wkoll il-ħames l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ

More in Politika
Pajjiżna issa għandu wkoll il-ħames l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ
Inqabżet ir-rata li l-amministrazzjoni preċedenti kienet wiegħdet lill-Kummissjoni Ewropea li tilħaq sal-2020.
Wara li s-sena li għaddiet il-Eurostat wera kif ir-rata tal-qgħad f'pajjiżna kienet niżlet għal livell qatt qabel miksub, iġifieri 5.8%, issa kien imiss lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li jikkonferma kif Malta għandha l-ogħla rata ta' impjiegi li qatt kienet irreġistrata fl-istorja.
Bejn Lulju u Settembru 2014, ir-rata ta' impjiegi f'pajjiżna laħqet il-livell rekord ta' 63.5%. Din tfisser żieda ta' 2.1 punti perċentwali fuq ir-rata tas-sena ta' qabel. Filwaqt li, bejn Lulju u Settembru 2013, kien hemm 178,000 persuna taħdem f'Malta, fl-istess żmien tal-2014 kien hawn kważi 184,400.
Din iż-żieda ta' kważi 6,500 persuna fi tnax-il xahar hija l-ogħla żieda fl-impjiegi li qatt ġiet irreġistrata f'pajjiżna. Dan huwa riżultat sinifikanti speċjalment meta wieħed iqis li, fl-aħħar kwart tal-amministrazzjoni preċedenti, iż-żieda fin-numru ta' nies jaħdmu kienet anqas minn nofs ta' dik irreġistrata issa.
L-amministrazzjoni preċedenti kienet wiegħdet lill-Kummissjoni Ewropea li, sal-2020, pajjiżna kellu jkollu rata ta' impjiegi ta' 62.9%. Illum din il-mira mhux talli ġiet milħuqa, imma talli nqabżet sew. Filwaqt li, fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti, pajjiżna kellu defiċit ta' kważi 4 punti perċentwali fir-rata tal-impjiegi meta mqabbel mal-medja Ewropea, dan id-defiċit issa naqas kważi bin-nofs.
L-NSO jikkonferma wkoll li, meta mqabbel mas-sena ta' qabel, il-pagi f'pajjiżna għolew bi 2.3% fi żmien meta l-inflazzjoni kienet 0.3% biss, jiġifieri titijib ta' 2% fil-poter ta' akkwist tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
B'kuntrast, fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, il-paga medja kienet għoliet b'1.9% biss, fi żmien meta l-inflazzjoni kienet 2.4%, iġifieri tnaqqir ta' 0.5% fis-saħħa tal-paga medja. Dan ifisser li, filwaqt li taħt il-Gvern preċedenti l-ħaddiem medju kien mar lura bi €80, illum il-ħaddiem medju mar aħjar bi €315.
L-andament fis-suq tax-xogħol kompla sejjer tajjeb anke wara Settembru. Il-Eurostat qed juri li, għat-tieni xahar konsekuttiv, f'Novembru pajjiżna kellu rata' ta' qgħad ta' 5.8%, li hija l-anqas rata ta' qgħad fl-istorja ta' pajjiżna, u tfisser li Malta għandha t-tielet l-anqas rata ta' qgħad minn fost il-pajjiżi Ewropej kollha. Dan b’kuntrast mar-rata tal-qgħad ta’ 6.5% fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Pajjiżna issa għandu wkoll il-ħames l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, b’kuntrast mar-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ 14.7% fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti. Dan ifisser li eluf ta' żgħażagħ illum qegħdin jaħdmu, minflok jirreġistraw.
Dawn il-figuri pożittivi jikkuntrastaw mal-bozoz ħomor li qed jara l-Kap tal-Oppożizzjoni u mat-tbassir tiegħu li pajjiżna se jidħol fil-ħajt u jitlob bailout. Li Malta għandha l-inqas rata ta' qgħad u l-ogħla rata ta' impjiegi fl-istorja tagħha hija l-aqwa evidenza ta' kemm il-politika tal-Gvern qed taħdem. Din l-amministrazzjoni hija kommessa li tibqa’ żżid ir-ritmu fil-qasam tax-xogħol biex tpoġġi lil pajjiżna fost l-aqwa fl-Ewropa.