Sistema ġdida ta' ħlasijiet għat-trasport pubbliku

It-trasport pubbliku f'idejn kumpanija Spanjola

Uħud mill-karozzi li se jintużaw fis-sistema l-ġdida
Uħud mill-karozzi li se jintużaw fis-sistema l-ġdida

Metodu ġdid ta' ħlas se jibda jintuża għat-trasport pubbliku, simili għal dak li jintuża f'Londra, l-Oyster card. Dan qalu lbieraħ il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi.

Mizzi wiegħed li n-nollijiet se jibqgħu affordabbli, u qal li bl-introduzzjoni tas-sistema bil-card, simili għal dik ta' Londra, tħeġġeġ in-nies biex jużawha u b'hekk ma jixtrux il-biljett meta jitilgħu fuq ix-xarabank, li dan iwassal għal ħafna telf ta' ħin. Id-differenza fil-prezzijiet se taffetwa l-iktar in-nies li jixtru biljett meta jitilgħu fuq tal-linja, li tinkoraġixxi l-użu tal-karta mħallsa minn qabel.

Vjaġġ għal persuna li jkollha l-karta minn qabel se jkun jiswa 75ċ waqt li l-istess vjaġġ għal persuna li tixtri l-biljett meta titla' fuq tal-linja se jiswiha €1.50, u fis-sajf €2.

Rotot ġodda se jkunu introdotti gradwalment wara konsultazzjoni mal-kunsilli lokali.

Il-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon mil-bieraħ ħadet f’idejha uffiċjalment is-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta, iżda se jinżamm l-isem Malta Public Transport.
 
Il-Ministru qal li l-Gvern kellu sfida kbira quddiemu, ta’ poplu li kien tilef il-fiduċja fit-trasport. Iżda minkejja li s-sitwazzjoni ma kinitx waħda faċli s-servizz mhux talli baqa’ għaddej mingħajr skossi talli l-kumpanija mmexxija mill-Gvern, irreġistrat żieda ta’ 10% fin-numru ta’ passiġġieri u naqqset l-ilmenti kważi bin-nofs.
 
Il-Ministru rringrazzja lill-ħaddiema tal-Malta Public Transport Services, lill-maniġment, lill-unjins u lil Transport Malta li ġibdu ħabel wieħed biex il-perjodu ta’ tranżizzjoni jirnexxi.
 
Huwa spjega li matul ix-xhur li ġejjin, kif jibdew jaslu l-karozzi tal-linja l-ġodda, ir-rotot jibdew jidħlu fis-seħħ gradwalment, b’mod li jkun hemm żieda ta’ 3 miljun kilometru fis-sena. Huwa fakkar li r-rotot huma mfasslin fuq dak li ried il-poplu, wara konsultazzjoni wiesgħa li kienet saret mal-Kunsilli Lokali kollha s-sena li għaddiet.
 
B’kollox, se jinxtraw 142 karozza tal-linja ġdida u sakemm jaslu, il-kumpanija Spanjola se tkun qed tikri 40 karozza tal-linja. Il-kumpanija se timpjega wkoll kemm xufiera kif ukoll impjegati ġodda sal-aħħar tas-sena.
 
Il-Ministru temm jgħid li l-Gvern qed jistenna li l-kumpanija twettaq dak li qiegħda twiegħed, għax il-poplu jixraqlu verament sistema aħjar minn dik li għandna llum, filwaqt li appella lill-poplu Malti biex ikun paċenjuż u jagħti ċans biex tindara s-sistema.
 
Id-Direttur tal-kumpanija Spanjola, Felipe Cosmen ħejja preżentazzjoni dwar kif se jkun qed jitmexxa l-operat tat-trasport pubbliku, fosthom l-istruttura ġdida ta’ xiri ta’ biljetti li tinċentiva lil dawk li ma jixtrux il-biljett minn fuq il-karozza tal-linja.

More in Politika