Se jsir ir-referendum dwar il-kaċċa

Il-Qorti Kostituzzjonali għadha kif ħadet id-deċiżjoni dalgħodu

Deċiżjoni deskritta bħala 'rebħa fuq id-demokrazija f'Malta' mill-Birdlife. Ir-referendum favur il-kaċċa ġie approvat, wara li kienu nġabru 40,000 firma minn Maltin li qegħdin fuq ir-reġistru elettorali.

B'hekk il-koalizzjoni għat-tneħħija tal-kaċċa fir-rebbiegħa hi kuntenta li tara dan il-pass jittieħed u ddeskrivietu bħala pass li se jibqa' mmarkat fl-istorja tad-demokrazija Maltija.

Romina Tolu, il-koordinatriċi tal-kampanja qalet, "il-proċess li wassal għad-deċiżjoni li ttieħdet dalgħodu ħa fit-tul ħafna, fejn dawk li kienu favur il-kaċċa kellhom ċans biżżejjed biex idewmu, jħawdu l-imħuħ u l-qorti. Issa huwa ċar li din mhux biss obbligazzjoni min-naħa tal-UE iżda deċiżjoni lokali."

Din id-deċiżjoni issa se titfa' l-poter f'idejn l-elettorat Malti biex jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq kwistjoni daqstant important, opportunità biex titħaddem id-demokrazija f'pajjiżna.

Il-koalizzjoni issa qed tistenna li tiġi mħabbra d-data tar-referendum li tkun deċiża mill-President.

Il-koalizzjoni hi magħmula minn 14-il organizzazzjoni, l-Alternattiva Demokratika, BirdLife Malta, Coalition for Animal Rights, Din L-Art Ħelwa, Flimkien għal-Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Gaia Foundation, Greenhouse Malta, International Animal Rescue Malta, Malta Organic Agriculture Movement, Moviment Graffiti, Nature Trust, Ramblers Association Malta u Youth for the Environment.

Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali mogħtija iktar kmieni llum, iċ-Chairperson ta' Alternattiva Demokratika, Prof. Arnold Cassola, qal: "Dan ifisser it-tmiem ta' ftehim sigrieti bejn politiċi tal-PL u l-PN u l-lobby tal-kaċċaturi f'Malta. Il-poter tad-deċiżjoni issa qiegħed kollu f'idejn il-poplu Malti li ħa jkun jista' jesprimi ruħu fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa f'referendum demokratiku u trasparenti li jrid isir fi żmien ta' mhux iktar minn sitt xhur. Nixtieq nirringrazzja lill-għaqdiet ambjentali u lis-soċjetà ċivili talli aċċettat l-istedina ta' Alternattiva Demokratika daqs sena u nofs ilu biex tiġi ffurmata koalizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa u tax-xogħol kollu li għamlu biex jiġbru l-firem. Ejjew issa nkomplu bil-ħidma tagħna biex niżguraw li l-kaċċa fir-rebbiegħa ssir parti mill-istorja mgħoddija ta' pajjiżna".

 

More in Politika