Alfred Sant qal lill-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew li jekk wieħed iħares lejn l-aħħar erba’ snin, wieħed jikkonkludi li l-ekonomija Ewropea mhix tikber, minkejja d-dikjarazzjonijiet ripetuti kuntrarji tal-Kummissjoni Ewropea. Waqt li nitkellmu dwar tisħiħ fiskali, fir-realta’ l-ekonomija taż-żona ewro qed topera fuq żvalutar intern li huwa politikament perikoluż ħafna, soċjalment perikoluż u ekonomikament ineffettiv. Din hija l-problema reali. Għalhekk, qal Sant, ma naqblux meta niġu biex ninterpretaw il-figuri. Mhux kwistjoni ta’ analiżi teknokratika. Trid tkun analiżi politika. Issa se naslu f’punt fejn biex tkun kompetittiv trid teqred il-mudell soċjali tiegħek. Din hija nassa li thedded il-koeżjoni soċjali.
Alfred Sant, li nħatar Relatur ‘dell’ għall-Grupp tas-Soċjal Demokratiċi fl-ECON, kien qed jirreaġixxi għas-sondaġġ dwar it-tkabbir ekonomiku għas-sena 2015 li ħejjiet il-Kummissjoni Ewropea ippreżentat minn Dariusz Rosati. Alfred Sant qal li l-istrumenti wżati fis-surveys mhux tajbin biżżejjed u qed jagħtu riżultati ħżiena. ‘M’għandniex l-istrumenti li jgħinuna nifhmu x’qed iseħħ. M’aħniex nirranġaw dawn l-istrumenti biex nifhmu x’qed isir. L-indikazzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel kull Ħarifa mhux jirrifletti r-riżultati reali. Jekk inħarsu lejn 2011, kien hemm tliet tbassiriet - – 1.5%, 1.5%, 1.5%. Fil-verita’ kien 1.4%. Jekk inħarsu lejn it-tliet tbassiriet ta’ 2012 – bdiet 1.8%, niżlet għal 0.5% u spiċċa -0.4%. Fil-verita’ kien -0.7%. It-tbassir ta’ 2012 beda bi tkabbir ta’ 1.8% growth, niżel għal tkabbir ta’ 0.5%, reġa’ għal -0.4%. Fil-verita’ kien -0.7%. Fl-2013 ir-rapport beda bi tkabbir ta’ 1.3%, niżel għal tkabbir ta’ 0.1% u aktar tard għal 0.4%. Fir-realtà t-tkabbir kien ta’ 0.5%. It-tbassir għal 2014 beda 1.4%, niżel għal 1.1% u reġa’ niżel għal 0.8%. Fil-verita’ se jkun anqas minn hekk’. Qal Alfred Sant.
‘Qegħdin fit-triq it-tajba?’ staqsa Alfred Sant. ‘Il-Kummissjoni u wħud minna qed jgħidu li iva. Imma jekk inħarsu lejn dak li ġara fl-ekonomija taż-żona Ewro fl-aħħar 4 snin, din imxiet ‘il quddiem? Huma jgħidulna li l-ekonomija se tiċċaqlaq. Niftakar f’Galileo, lura fil-kontro-riforma, meta fehem li x-xemx ma ddurx madwar id-dinja, izda d-dinja iddur max-xemx. Galileo kellu jammetta li kellu żball – imbagħad qal ukoll ‘eppur si muove’. Qabel l-ekonomija taż-żona Ewro tibda tiċċaqlaq, eppur non si muove, mhux se timxi ‘l quddiem. Din il-konklużjoni li wasalt għalija Sur President.’