L-eks Ministru tas-Saħħa maħtur whip tal-Partit Laburista

L-eks Ministru Godfrey Farrugia whip ġdid

It-tabib Godfrey Farrugia
It-tabib Godfrey Farrugia

Il-Grupp Parlamentari Laburista għadu kif approva b’mod unanimu n-nomina tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex Dr Godfrey Farrugia jkun il-whip il-ġdid. Din il-ħatra saret f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista llum, wara li l-whip preżenti Carmelo Abela nħatar Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

It-Tabib Farugia kien ingħata l-inkarigu ta' Ministru tas-Saħħa wara r-rebħa tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2013. Kariga li żamm biss għal sena fejn kien ikkritikat għal nuqqasijiet primarjament minħabba li ma rnexxilux isolvi l-problemi fil-qasam tas-saħħa. Farrugia kien irreżenja minn Ministru wara li pubblikament kien qal li l-offerta li kien tah il-Prim Ministru biex minflok is-saħħa jieħu l-Ministeru tal-Familja u Politika Soċjali flok Marie Louise Coleiro Preca ma daqqitlux.

Intant minn wara r-riżenja tiegħu bħala ministru ma naqsux il-kummenti tas-sieħba tiegħu Marlene Farrugia li pubblikament ikkritat lill-gvern fuq diversi deċiżjonijiet bla tlaqliq ta' xejn u mingħajr kantunieri. Hemm min qed iqis din il-ħatra tat-Tabib Godfrey Farrugia bħala mossa minn naħa tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex jippaċifika l-affarijiet kemm mat-Tabib Godfrey Farrugia nnifsu kif ukoll mas-sieħba tiegħu.   
 

More in Politika