Wara r-reshuffle ta’ Simon Busuttil

Prijoritajiet politiċi ċari għal tliet membri tas-Shadow Cabinet

Prijoritajiet politiċi ċari għal tliet membri tas-Shadow Cabinet
Prijoritajiet politiċi ċari għal tliet membri tas-Shadow Cabinet

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret tal-ħin ilu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li wara r-reshuffle li għamel il-ġimgħa li għaddiet, il-pass li jmiss huwa li l-Oppożizzjoni turi li hija tassew waħda li tagħmel differenza lin-nies fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Huwa qal dan hekk kif ħabbar tliet prijoritajiet politiċi ċari għal tliet membri tas-Shadow Cabinet tal-Partit Nazzjonalista.

“Irrid li l-Partit Nazzjonalista jagħmel differenza lin-nies fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom, anke mill-Oppożizzjoni,” qal Simon Busuttil. 

It-tliet prijoritajiet politiċi tal-Oppożizzjoni fil-bidu ta’ din is-sena se jkunu:
(1) il-prezzijiet għolja tal-petrol u d-diesel;
(2) id-dinjita’ tal-pazjenti fl-isptar Mater Dei u
(3) t-trasparenza fil-kuntratti pubbliċi.

Meta tkellem dwar il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, Simon Busuttil qal li huwa ċar daqs il-kristall li l-Gvern Laburista qiegħed jisraq lill-poplu Malti għaliex minkejja li l-prezz tal-fuel waqa’ bin-nofs, f’Malta il-prezz tal-petrol u d-diesel għadhom l-istess. Illum Malta għandha l-ogħla prezz tal-petrol u d-diesel fl-Unjoni Ewropea meta ma tqisx it-taxxi, filwaqt li għandha it-tielet l-għola prezz tad-diesel u r-raba l-għola prezz tal-petrol meta tqis it-taxxi, peress li ċerti pajjiżi għandhom taxxi fuq il-fuel għola minn tagħna.

“Dan ifisser li l-Gvern ma għadda xejn mir-roħs straordinarju li kien hemm fil-prezz tal-petrol u d-diesel kif kien isir taħt Gvern Nazzjonalista u minflok żammu għalih. Dan mhu xejn għajr serq tal-konsumaturi” qal Simon Busuttil, li żied jgħid “illum, jekk titfa €30 petrol fil-ġimgħa, il-Gvern qed jisirqek mill-anqas €10, jiġifieri terz ta’ kemm tħallas, filwaqt li jekk titfa €30 diesel fil-ġimgħa il-Gvern ikun qed jisirqek mill-anqas €12, jigifieri viċin nofs il-prezz tad-diesel li tieħu. Jekk Joseph Muscat jaħseb li se jagħmi lill-nies billi jraħħas il-prezz b’1c jew 2c qed jgħarralu” qal Simon Busuttil
 
Dwar id-dinjità tal-pazjenti, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li s-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei saret waħda mwiegħra u issa qegħda tolqot ħażin id-dinjità tal-pazjenti. “Taħt Joseph Muscat għandna numru dejjem jikber ta’ pazjenti li qed jitpoġġew f’kurituri bla ebda privatezza u bla faċilitajiet sanitarji. Taħt Joseph Muscat it-tobba u l-infermiera lanqas biss jistgħu jagħtu kura dinjituża lill-pazjenti għax ma jistgħux jinvistawhom sew. Taħt Joseph Muscat in-nisa u l-irġiel qed jitħallew fl-istess kuritur u l-infermiera qed ikollhom jimsħuhom bil-wipes flok jaħsluhom. Dan huwa l-mod kif Joseph Muscat waqqa d-dinjita tal-pazjenti,” qal Simon Busuttil.

Dwar it-trasparenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li t-trasparenza mill-Gvern u d-dritt għall-informazzjoni lill-pubbliku huma essenzjali f’demokrazija. Madankollu, f’Malta, il-Gvern għadu qed jaħbi numru ta’ dokumenti ta’ interess pubbliku, fosthom kuntratti pubbliċi, b’mod li mhux aċċettabbli f’soċjetà demokratika. “Erġajna lura għal Gvern li għalih it-trasparenza u l-informazzjoni mhumiex fl-interess tal-poplu iżda dan mhux aċċettabbli għalina u l-Partit Nazzjonalista se jaħdem biex jikxef il-ħabi ta’ Joseph Muscat.” qal Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li filwaqt li suppost għandu jsir dibattitu parlamentari dwar il-kuntratt li l-Enemalta ffirmat max-Shanghai Electric, il-kuntratt in kwistjoni baqa ma ġiex ippubblikat. Busuttil staqsa “Kif jippretendi Joseph Muscat li jista’ jsir dibattitu parlamentari serju jekk hu jaf kollox u l-poplu ma jaf xejn? Jaqaw Joseph Muscat irid jitkellem waħdu?”

Intant il-Kap tal-Opożizzjoni talab lit-tlett shadow ministers tiegħu biex jieħdu l-inizjattiva u jaħdmu fis-setturi kollha msemmija fl-aħjar interess taċ-ċittadini.
 

More in Politika