San Vinċenz de Paul - ma għad fadal ebda każ urġenti pendenti
Proċess ta’ rebranding tar-Residenza San Vinċenz de Paul
More in Politika
Proċess ta’ rebranding tar-Residenza San Vinċenz de Paul
“Il-Gvern għaddej bi proċess ta’ rebranding tar-Residenza San Vinċenz de Paul. Aktar milli rebranding viżwali, din ir-residenza ser tibda tindirizza l-bżonnijiet ta’ persuni ta’ dipendenza għolja b’enfasi fuq servizzi adattati u ta’ kwalità. Dan ir-rebranding ser iservi biex titneħħa l-perċezzjoni li r-Residenza San Vinċenz de Paul hija xi forma ta’ sptar akut maġġuri imma li hu faċilità ta’ kura fit-tul”. Dal qalitu s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta spjegat li beda eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni u għalhekk huma biss il-persuni b’livell ta’ dipendenza għolja li ser jiġu ammessi f’San Vinċenz de Paul. “Dan il-livell jiġi stabbilit minn tim multidixxiplinarju. Dan biex niżguraw li kull applikant jieħu s-servizz li għandu bżonn skont l-eżitu tal-assessment mediku li jsir”.
Caruana qalet li r-Rebranding ser iservi biex jgħaddi l-messaġġ li din il-faċilità ta’ kura fit-tul għall-anzjani toffri wkoll inizjattivi sabiex l-anzjani jibqgħu attivi. “Ir-residenza se tkun ukoll ċentru ta’ eċċellenza għat-taħriġ fuq il-kura tal-anzjani u somma ta’ 330,000 ewro minn fondi ewropej diġà ġiet iddedikata għal dan it-taħriġ. Persuni li jaħdmu fir-Residenza qegħdin jibbenefikaw minn korsijiet b’xejn fuq il-qasam tal-Informazzjoni Teknoloġika sabiex iħaddmu software li daħal fis-seħħ fir-residenza sabiex ir-residenti jieħdu kura iktar immedjata”.
Is-Segretarju Parlamentari semmiet li r-residenza issa għandha taqsima tal-Customer Care u Quality Assurance sabiex jiġi żgurat l-aqwa servizz għall-anzjani residenti. Fost xogħol li jagħmel il-Quality Assurance Unit semmiet li jagħmel moniteraġġ tal-istat u l-preżentazzjoni tal-ikel fir-residenza. “Għaddej xogħol kontinwu sabiex il-faċilità ttejjeb il-kura tagħha mogħtija lill-anzjani u fi ftit ġranet oħra ser tinfetaħ sala oħra wara rinovar u ristrutturar li sar biex jiżdiedu l-faċilitajiet fiha filwaqt li żewg swali oħra li ser jinfteħu fi ftit xhur oħra huma parti mill-proġett tal-kumpless Rużar Briffa bl-applikazzjoni tal-MEPA li diġà qed tiġi pproċessata”. Fost proġetti oħra semmiet ukoll il-proġett tal-Medical Materials Management Unit, it-taqsima tal-Laundry u xogħol li għaddej biex ir-residenza kollha ssir dementia friendly.
Fl-aħħar nett Caruana ħabbret ukoll li permezz tal-eżercizzju ta’ razzjonalizzar tat-talbiet għal servizzi residenzjali, il-waiting list naqset u dan ix-xahar il-każijiet kollha pendenti kategorizzati bħala urġenti mit-tim multidixxiplinarju, ġew indirizzati tant li ma għad fadal ebda każ urġenti pendenti.