Il-Kumitat Parlamentari li qed jinvestiga l-iskandlu tax-xiri taż-żejt mill-EneMalta, skandlu li kien ħareġ fil-beraħ mill-Malta Today fl-2013 illejla se jkollu quddiemu lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi biex iwieġeb għal dak li sar taħt l-amministrazzjoni tiegħu.
Żgur li waħda mill-mistoqsijiet se tkun kif hu kien qal lil ġurnalisti tal-Malta Today li lil familja Farrugia ma kienx jafha u rarament kellu kuntatt magħhom, meta il-mara ta' George Farrugia għal 10 snin kienet is-segretarja tiegħu meta kien jaħdem bħala konsulent legali ma' Mizzi Ltd. Gonzi kien qal hekk lil ġurnalisti ta' Malta Today meta ffaċċjawh b'ritratt fejn hu jidher jitkellem mal-koppja Farrugia f'Ħal Safi.
"Qatt ma kont nafhom... rarament qatt iltqajt jew kelli kuntatt mal-familja Farrugia, li hi familja popolari fil-Ħamrun u magħrufa fiċ-ċirki tan-negozji. L-uniċi drabi li ltqajna kien f'xi avveniment pubbliku bħalma jidhru fir-ritratti ta' meta nfetaħ Safi Aviation Park fejn iltqajt ma' eluf ta' nies li jinkludu lil George Farrugia u xi relazzjoni tiegħu. Hu biss ritratt, li ma jfissirx li jien kont naf lil George Farrugia dakinhar."
Mistoqsi speċifikament jekk kienx jaf lil mara ta' Farrugia, Gonzi qal, "Ma nafx min hi, qas ngħarafha li kelli niltaqa' magħha. Jista' jkun iva u jista' jkun le, iżda qatt ma kelli x'naqsam xejn magħha."