“Meta bħala kandidat tal-Partit Nazzjonalista kont niltaqa’ ma’ xi ħadd li jistaqsi dwar il-pożizzjoni tal-partit fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa, it-tweġiba tiegħi dejjem kienet tkun l-istess. Dejjem għidt li d-deroga negozjata mal-Unjoni Ewropea biex tkun tista’ ssir il-kaċċa fir-rebbiegħa ġabha Gvern Nazzjonalista”. Dan qalu lbieraħ Norman Vella fil-blogspot tiegħu. Vella kien kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-2014.
Vella qal li ma’ dan kien iżid jgħid li kien l-istess Gvern Nazzjonalista li ġġieled kawża fil-Qorti Ewropea biex din id-deroga tkun tista’ tkompli titħaddem. Saħaq li huwa biss b’riżultat ta’ din il-pożizzjoni u permezz ta’ din il-ħidma tal-PN li f’pajjiżna illum għadha tista’ ssir il-kaċċa fir-rebbiegħa.
“Dan id-diskors ma kontx ngħidu għax jien personalment naqbel mal-kaċċa fir-rebbiegħa. Kont ngħidu għax din kienet u għadha l-pożizzjoni tal-PN. Fil-fatt ir-referendum li se jsir fil-11 ta’ April se jsir propju biex jitħassar dak li għamel Gvern Nazzjonalista”.
Vella qal li għaldaqstant hu ma nifhimx lil dawk li llum qed jgħidu li l-PN m’għandux pożizzjoni dwar din il-kwistjoni. “Il-pożizzjoni tal-partit hija ċara kristall u kienet imtennija kemm-il darba mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u mill-Kap attwali Simon Busuttil”.
Hu tenna li dan ma jfissirx li kull min huwa partitarju Nazzjonalist għandu bilfors jaqbel ma’ din il-pożizzjoni. “Ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa huwa opportunità għal dawk li filwaqt li jaqblu mal-maġġoranza assoluta tal-politika tal-PN, fuq din il-kwistjoni jridu li l-pajjiż jaqbad triq oħra”.
Vella temm jgħid li dawn għandhom kull dritt imorru jivvotaw biex iħassru dak li għamel il-PN fil-Gvern. “Dan id-dritt tagħhulhom l-istess Gvern Nazzjonalista li daħħal fil-liġi tar-referendum id-dritt tal-poplu li jagħmel hu dak li ma jagħmlux il-partiti li jirrappreżentawh fil-Parlament”.