Hemm bżonn li kulħadd iqum kontra t-terroriżmu – Toni Abela

Malta hija favur Libja magħquda

Malta hija favur Libja magħquda
Malta hija favur Libja magħquda

“It-Terroriżmu li dan l-aħħar qed jgħolli aktar rasu b’avvenimenti li qed iseħħu madwar id-dinja mhuwiex rappreżentativ ta’ xi poplu jew Nazzjon, mhuwiex parti mill-identità, għal din ir-raġuni hemm bżonn li kulħadd jagħmel, bħal m’għamlu n-nies ta’ Pariġi l-Ħadd li għadda u jqum kontra t-terroriżmu”.

Dan qalu d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Toni Abela waqt li kien qiegħed jindirizza lill-membri tal-Korp Diplomatiku f’riċeviment Annwali organizzat mill-Partit Laburista fl-okkazjoni tas-sena l-ġdida.

Abela qal saħaq li dak li ġara dan l-aħħar fil-Peshwar il-Pakistan u aktar riċenti fi Franza, fil-qalba tal-Ewropa, mhumiex il-kawża iżda l-effett, l-effett ta’ żewġ xenarji kontraditorji. “Fuq naħa d-demokraziji li ħadmu sabiex id-drittijiet tal-bniedem jipprevalu u min-naħa l-oħra r-reġimi totalitarji li kasbru lill-popli”.

Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiżi ġirien ta’ Malta partikolarment fil-Libja fejn saħaq li Malta hija favur Libja magħquda u mhux Libja mfarrka. Elenka wkoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u qal li għalkemm forsi ma nkunux qed nisimgħu b’aħbarijiet kuljum dwar x’qed jiġri f’dik il-parti tad-dinja, ħadd m’għandu jinsa s-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-popli nvoluti fil-kunflitt.

Id-Deputat Mexxej Laburista għamel ukoll aċċenn dwar il-marda tal-Ebola u kif it-tixrid ta’ din il-marda ġab bosta popli jaħdmu flimkien bil-għan li din il-marda qerrieda tkun newtralizzata. Tkellem ukoll dwar l-Anniversarji ta’ festi Nazzjonali li pajjiżna ċċelebra matul din is-sena filwaqt li stqarr li l-preparamenti għall-laqgħa tal-pajjiżi tal-Commonwealth li se ssir f’pajjiżna aktar tard din is-sena għaddejjin b’ritmu mgħaġġel.

Abela finalment tkellem ukoll dwar is-suċċess li pajjiżna qiegħed jikseb fis-settur ekonomiku, liema suċċess qed jissarraf f’aktar postijiet tax-xogħol fosthom għal dawk iż-żgħażagħ li jinsabu mingħajr impjieg.
 

More in Politika