Is-sewwieq involut fil-każ ta' Sheehan akkużat li saq xurban

Stephen Smith qal li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh

Stephen Smith, l-Iskoċċiż ta' 30 sena li l-karozza tiegħu kienet allegatament segwita u rċeviet xi tiri minn eks uffiċjal tal-Pulizija Paul Sheehan, li dak iż-żmien kien ix-xufier tal-Ministeru tal-Intern Manuel Mallia, deher quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli akkużat li kiser ir-regoli tat-traffiku u li saq waqt li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Smith qal li hu mhux ħati.

Is-Supretendent Alexandra Mamo qalet li fid-19 ta' Novembru, kienet imsejħa biex tinvestiga l-każ ta' hit and run u l-arresti.

Smith, li kien arrestat u meħud l-għassa tal-Pulizija ta' Tas-Sliema rrifjuta li jagħmel test ta' breathalyser, imbagħad bidel l-opinjoni tiegħu wara li ttieħed l-għassa ta' Tas-Sliema. Ir-riżultat kien pożittiv għal alkoħol b'109mmg.

Smith kien ħareġ stqarrija l-għada fejn kien qal li hu kien qed jixrob inbid u birra fi Black Gold Pub. Waqt li kien fi triqtu lura għad-dar, qal li ma kkalkulax sew u laqat il-karozza, fejn waqaf ftit tal-ħin wara biex jara l-ħsara li kellu fuq il-karozza tiegħu. F'dak il-waqt, Sheehan ħareġ mill-karozza b'senter f'idu u telaq.

Is-Supretendent Mamo qalet lill-qorti li PC127 qalilha li flixkun aħdar instab fil-karozza ta' Smith minn uffiċjal tal-RIU, imma hi qatt ma ratu.

Is-Surġent David Sant, mill-għassa ta' Tas-Sliema, qal kif Smith kellu riħa ta' alkoħol, għajnejh ħomor u kien qed ilaqlaq. "Deher aġitat," qal.

Sheehan ma deherx fil-qorti, imma mistenni jidher waqt is-smiegħ li jmiss fit-12 ta' Frar.

More in Politika