Titnieda l-kampanja ‘Spring Hunting Out’ bl-appoġġ ta’ diversi personalitajiet

Moviment għal Malta aħjar

Moviment għal Malta aħjar
Moviment għal Malta aħjar

Il-preżentatriċi u attivista għall-annimali Moira Delia, il-ġurnalista Saviour Balzan u l-eks-president ta’ BirdLife Malta Joseph Mangion illum nedew il-kampanja ‘Shout – Spring Hunting Out’ fil-Belt Valletta, u fissruha bħala ‘moviment għal Malta aħjar.’
 
F’indirizz li għamlet quddiem sala ppakkjata fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-kordinatriċi Romina Tolu svelat l-isem tal-kampanja, il-websajt u l-paġni tal-midja soċjali. ‘Fit-tliet xhur li ġejjin, aħna sejrin nagħtu lill-votanti t-tagħrif kollu li għandhom bżonn biex jieħdu d-deċiżjoni li jivvutaw ‘le’ fil-11 ta’ April, biex il-kaċċa fir-rebbiegħa tieqaf darba għal dejjem u nagħmlu Malta post aħjar għall-ħajja tagħna,” qalet Tolu.

Joseph Mangion fisser kif Malta hi l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li jippermetti l-kaċċa għal skop ta’ delizzju fuq l-għasafar tal-passa fir-rebbiegħa, u żied jgħid li ‘ma jagħmilx sens’ li toqtol l-għasafar huma u tilgħin ‘il fuq biex ibejtu u jrabbu l-frieħ. Barra minn dan, żied jgħid li “Ilkoll inkunu nistgħu naraw u nisimgħu ħafna aktar għasafar f’Malta jekk naqtgħu l-kaċċa fir-rebbiegħa, u nkunu qegħdin nagħmlu minn Malta post aħjar li fih nistgħu ngħixu.”

Moira Delia qalet li l-kaċċaturi qegħdin iżommu n-nies milli jgawdu l-kampanja fir-rebbiegħa, li hu l-isbaħ żmien tas-sena. “It-tgawdija tal-kampanja hi importanti għal saħħitna, u tgħinna nħossuna kuntenti u rilassati. Għandna dritt li ngawduha u li noħorġu nimxu fiha mal-familja tagħna mingħajr il-biżgħa tal-isparar u l-intimidazzjoni. Il-kampanja hi tiegħek ukoll.”

Saviour Balzan imbagħad irribatta t-theddid tal-kaċċaturi li ‘warajna jmiss in-namra tiegħek’, u fisser dak li qed jgħidu bħala ‘assurdità mill-bidu sal-aħħar’. Referendum bħal m’hu dan jista’ biss jabolixxi liġijiet eżistenti. Hemm liġi speċifika li tippermetti l-kaċċa fir-rebbiegħa, u dan ir-referendum se jagħti ċ-ċans lill-poplu jivvota biex ineħħiha. Referendum abrogattiv ma jistax jiġi applikat għal affarijiet oħra, peress li m’hemmx liġijiet li jippermettu li jsir logħob tan-nar, festi, tiġrijiet taż-żwiemel u attivitajiet oħra. Hemm biss liġijiet li jikkontrollawhom. Huwa impossibli li jsir referendum dwar dawn l-affarijiet.”

“Il-kaċċaturi xorta jkunu jistgħu jikkaċċjaw għal ħames xhur fl-istaġun tal-ħarifa, minn Settembru sa Jannar. Meta jgħidu li d-drittijiet tiegħek qegħdin jitnaqqru, ikunu qegħdin jippruvaw iqarrqu bik,” qa is-Sur Balzan. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex “Ninqatgħu mill-imgħoddi u minn dan iċ-ċiklu ta’ bullying mill-kaċċaturi, intimidazzjoni u tbeżżiegħ lill-poplu darba għal dejjem. Wasal iż-żmien li nivvutaw ‘le’. SHOUT to get spring hunting out,” temm jgħid il-kelliemi.

L-istilista tal-moda Carina Camilleri, il-kartunista Seb Tanti Burlo, il-mużiċista Renzo Spiteri, id-DJ tar-radju Frank Zammit, il-kantant ewlieni tal-grupp nosnow/noalps Nick Morales u personalitajiet oħra Maltin ingħaqdu ma’ Balzan, Delia u Mangion fuq il-palk biex jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li fil-11 ta’ April sejrin jivvutaw ‘le’.

 

More in Politika