“L-Oppożizzjoni qed tniedi sit li fih wieħed jista’ jikkalkula b’mod faċli kemm qed il-Gvern qed jeħodlok mill-but kull darba li tmur fil-pompa tal-petrol u jimla l-karozza bil-petrol jew id-diesel. F’dan is-sit, wieħed jista’ jara kif dak li qed jieħu l-Gvern mhuwiex ta’ ftit ċenteżmi iżda ta’ mijiet ta’ ewro fis-sena li l-familji Maltin u Għawdxin qed ikollhom jonfquhom f’petrol jew diesel minflok biex jgħixu ħajja aħjar.”
Dan qalitu Marthese Portelli - Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Infrastruttura li spjegat li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel illum ma’ ta’ Marzu 2009, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien fl-istess livelli ta’ bħalissa. “Illum, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin qed iħallsu 41ċ aktar għal kull litru diesel u 45ċ aktar għal kull litru petrol minn Marzu 2009. Dan għaliex filwaqt li f’Marzu 2009 il-prezz tal-petrol kien ta’ 97ċ u dak tad-diesel kien ta’ 94ċ, illum, il-prezz tal-petrol illum hu ta’ €1.42 u l-prezz tad-diesel hu ta’ €1.35. “
Portelli qalet ukoll li l-Gvern għandu mill-aktar fis possibli jispjega għalfejn qed iġiegħel lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin iħallsu ħafna aktar milli suppost.
Ix-Shadow Minister spjegat kif fl-aħħar xhur, il-prezz taż-żejt kompla jinżel – xi ħaġa li qed tiġi riflessa fil-prezz tal-petrol u d-diesel fil-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. “F’Malta, iżda, l-prezz baqa’ fl-istess ilma tant li jekk wieħed iqabbel il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel bla taxxa, il-familji u n-negozji Maltin qed iħallsu l-ogħla prezz tal-petrol u d-diesel fl-Unjoni Ewropea.”