Qed ikomplu jaslu aktar riżultati pożittivi fis-settur tat-turiżmu, din id-darba fil-qasam tal-cruiseliners. Skont l-aħħar ċifri maħruġa dalgħodu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, in-numru ta’ passiġġieri li waslu Malta fuq il-cruiseliners fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet ammonta għal aktar minn 150,000, li jfisser żieda ta’ ’l fuq minn 32,500 passiġġier jew aħjar tkabbir ta’ 27% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2013.
Ta’ min jinnota t-tkabbir robust fl-ammont ta’ passiġġiera Franċiżi, Ġermaniżi u Taljani. Bejn Ottubru u Diċembru tal-2014 rajna żieda ta’ aktar mid-doppju f’passiġġieri Franċiżi meta ġew reġistrati kważi 13,000 f’passiġġiera Franċiżi aktar mill-perjodu ta’ bejn Ottubru u Diċembru tas-sena 2013. Is-suq Ġermaniż immarka żieda ta’ 86% filwaqt li dak Taljan żieda ta’ kważi 55% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Fl-istess perjodu n-numru ta’ passiġġieri li qattgħu lejl f’Malta kiber b’aktar mid-doppju wkoll meta mqabbel maċ-ċifri rreġistrati fl-istess perjodu tas-sena 2013.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis irrimarka li dawn iċ-ċifri pożittivi jikkonfermaw li l-2014 kienet sena tajba ħafna għall-qasam tal-cruiseliners f’pajjiżna. Malta rnexxielha tirkupra tajjeb ħafna mit-tnaqqis li rreġistrajna fis-sena 2013. L-ammont ta’ passiġġiera fl-2014 żdiedu b’aktar minn 40,000 u lħaqna ċ-ċifra ta’ kważi 472,000 passiġġier. L-ammont ta’ passiġġiera fuq il-cruiseliners li qattgħu lejl f’Malta s-sena l-oħra kiber bi kważi 200%. Is-sena l-oħra, it-tkabbir fis-swieq Franċiżi u Ġermaniżi kien wieħed eċċellenti. Fl-2014 il-passiġġiera Franċiżi u Ġermaniżi żdiedu bi 68% u b’35% rispettivament meta mqabbel mas-sena 2013.
Il-Ministru Zammit Lewis jinnota wkoll li fl-2014 l-akbar tkabbir li rreġistra pajjiżna fis-settur tal-cruiseliners kienu fl-ewwel kwart u fl-aħħar kwart tas-sena. Dan jawgura tajjeb għat-turiżmu fix-shoulder months. Dawn ir-riżultati pożittivi fil-perjodi off-peak jikkonfermaw il-ħidma u l-pjan tal-Gvern sabiex it-turiżmu jkompli jkun sostenibbli u Malta tiġbed lejha turisti ta’ kwalità tul ix-xhur kollha tas-sena.