“In-nies qed iħossu d-differenza permezz ta’ kontijiet orħos u stabilità fil-prezz tal-fuel fuq medda ta’ snin filwaqt li ngawdu arja iktar nadifa” – Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt id-diskussjoni li saret ilbieraħ fil-Parlament dwar il-ftehim tal-Enemalta ma’ Shanghai Electric Power.
Muscat qal li l-Enemalta issa għandha futur garantit hekk kif din m’għadhiex mażżra ma’ għonq l-ekonomija tal-pajjiż wara li l-gvern ġab l-ikbar investiment barrani li qatt ra l-pajjiż.
Il-Prim Ministru qal li permezz ta' dan il-ftehim max-Shanghai Electric ġew salvati l-impjiegi ta’ mijiet ta’ ħaddiema waqt li l-Enemalta issa se tkun hub internazzjonali li tipprovdi servizzi lill-kumpaniji oħra barranin.
Il-Prim Ministru kkritika lill-Kap tal-Oppożizzjoni għad-dikjarazzjonijiet li għamel meta qal li l-gvern qed juża l-iskandlu taż-żejt bħala paraventu waqt li rrefera għaż-żieda fil-prezzijiet tal-fuel u tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma taħt il-Gvern preċedenti.
Qal li l-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma b’25% qabel ma beda jorħos il-prezz internazzjonali taż-żejt filwaqt li anke l-prezz tal-petrol raħas sitt darbiet fl-aħħar sentejn qabel raħas il-prezz internazzjonali.
Muscat wiegħed li l-Gvern se jibqa’ jgħaddi dak kollu li jista’ lill-familji Maltin filwaqt li nsista li l-Gvern ma jħarisx lejn il-prezz tal-immedjat biss imma jfittex stabilità fuq għadd ta’ snin.