F'laqgħa li saret dalgħodu bejn il-qraba tal-anzjana li mietet aktar kmieni din il-ġimgħa f’kuritur tal-Isptar Mater Dei u s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne, ntqal mill-qraba li jiddispjaċihom li l-mewt ta’ ommhom ġiet irrappurtata b’mod skorrett mingħajr il-kunsens tagħhom u ntużat bħala ballun politiku. L-anzjana għandha 83 sena u mietet nhar it-Tnejn, l-20 ta’ Jannar.
Din il-laqgħa saret wara li l-qraba tal-anzjani kienu inkwetati ferm dwar kif kienet qed tiġi rrappurtata l-mewt tal-anzjana mingħajr il-kunsens tagħhom. Fil-laqgħa ma’ Chris Fearne, il-qraba tal-anzjani wrew ir-ringrazzjament u l-apprezzament tagħhom lejn il-ħaddiema ta’ Mater Dei li għamlu dak kollu possibbli mal-anzjana.
Il-qraba tal-anzjana esprimew ukoll ix-xewqa li jserrħu moħħ in-nies li fl-Isptar Mater Dei hemm l-apparat kollu meħtieġ biex isalva l-ħajjiet tan-nies.
Fil-mument meta l-anzjana kienet qed titlef ħajjitha, kien hemm qariba tagħha magħha li setgħet tixhed l-isforz immens li sar mill-ħaddiema bl-apparat kollu neċessarju sabiex tiġi salvata ħajjitha.