Il-UĦM tesprimi tħassib dwar l-Enemalta
L-intenzjoni tal-UĦM hi li tissalvagwardja l-ħaddiema membri tagħha
More in Politika
L-intenzjoni tal-UĦM hi li tissalvagwardja l-ħaddiema membri tagħha
Fi stqarrija għall-istampa, il-UĦM qalet li qiegħda tesprimi t-tħassib tagħha dwar iċ-ċaqlieq u t-trasferimenti interni fost il-ħaddiema ta’ l-Enemalta li qed issiru mingħajr l-ebda konsultazzjoni.
Il-Unjin qalet li t-taqsima Manifattura u Kummerċ kitbet liċ-ċermen eżekuttiv tal-Enemalta plc u għamlet diversi mistoqsijiet dwar l-inċertezza li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema. Dan wara li tentattivi sabiex issir laqgħa ġew imħassra mill-maniġment.
Il-UĦM qalet li fost il-mistoqsijiet li staqsiet kien hemm l-interess għat-take-home pay tal-ħaddiema u staqsiet jekk dan id-dħul huwiex garantit għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Il-UĦM staqsiet ukoll jekk b’xi mod l-allokazzjonijiet jew ħlas abbinat max-xift hux se jkun minsus mill-eżerċizzju li qed isir.
Intant il-UĦM staqsiet ukoll jekk l-Enemalta għandhiex intenzjoni li tistrasferixxi jew tissekonda ħaddiema f’entitajiet u dipartimenti tal-gvern u jekk dan minnu, b’liema kundizzjonijiet se jiġu trasferiti. Aktar minn hekk, qalet il-UĦM, qed tistenna li jkollha tweġiba fir-rigward fuq liema bażi dawn it-trasferimenti qed isiru u liema kriterji ta’ għażla qed jintużaw.
L-istqarrija qalet li l-UĦM qed tistenna li l-ebda ħaddiem ma jkun sforzat li jkun trasferit u għaldaqstant tistaqsi jekk il-politika addotata mill-Enemalta għal dawn it-trasferimenti hijiex waħda ta’ ‘take it or leave it’ u jekk hux qed tintuża għal kulħadd l-istess.
Il-UĦM semmiet li rċeviet ukoll ilmenti li filwaqt li jista' jkun hemm ħaddiema li jiġu trasferiti f’entitajiet, l-Enemalta qegħda tagħmel distribuzzjoni ta’ xogħol li sal-lum kien isir mill-istess ħaddiema tagħha. Għaldaqstant il-UĦM staqsiet jekk dan huwiex minnu u f’liema sezzjonijiet u rwoli dan qed isir jew ser isir.
L-istqarrija temmet tgħid li hija l-intenzjoni tal-UĦM li tissalvagwardja l-ħaddiema membri tagħha fl-Enemalta u fl-ebda ċirkustanzi mhu ser taċċetta li dawn jiġu diskriminati jew b’xi mod jitilfu kundizzjonijiet tax-xogħol li sal-lum qegħdin jibbenefikaw minnhom.