Din is-sena l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jistenna li jilqa’ madwar 4.4 miljun passiġġier. Dan it-tbassir ifisser żieda ta’ 2 fil-mija aktar mis-sena li għaddiet li kienet rekord għall-ajruport.
Dan it-tkabbir hu riżultat ta’ żieda ta’ aktar passiġġieri lejn Malta minn operaturi ta’ linji tal-ajru kif ukoll minħabba ż-żieda firrotot ta’ linji tal-ajru ġodda li diġà kienu mħabbra, fosthom Aegean, Finnair, Jet2.com u Swiss.
Is-sena li għaddiet kien hemm 4,290,304 passiġġier li ġew lejn Malta, żieda ta’ 6.4 fil-mija mill-2013, li rreġistrat total ta’ ftit aktar minn 4 miljun passiġġier sal-aħħar tas-sena. Kien hemm ukoll żieda ta’ 4.8 fil-mija fil-movimenti tal-ajruplani, li rriżultat fl-istess żieda ugwali fl-ammont ta’ passiġġiera.
Minbarra żieda fit-titjiriet u postijiet disponibbli minn u lejn Malta, il-linji tal-ajru li qed itiru mill-ajruport irnexxilhom iżidu is-seat load factor, li jfisser li l-medja tal-ajruplani fis-sena li għaddiet kienu aktar mimlijin mill-2013, minn 78.5 fil-mija għal 79.7 fil-mija.