Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat sejjaħ il-ftuħ ta’ Akkademja għat-taħriġ tal-WasteServ bħala pass ieħor importanti fir-ristrutturar u tisħiħ tal-kumpanija li jagħti xhieda ċara tal-impenn tat-tmexxija tal-kumpanija biex din tkompli miexja fid-direzzjoni t-tajba.
Brincat qal li l-ħsieb ewlieni tal-Akkademja huwa li din tikkollabora f’mod proattiv ma’ istituzzjonijiet lokali u barranin akkreditati fit-taħriġ, fosthom l-ETC u ċ- Chartered Institution of Waste Management. It-tir prinċipali tal-akkademja huwa li jgħin lill dawk li qed jaħdmu mal-WasteServ biex jibbenefikaw minn ftehim ta’ taħriġ u sponsorship li jkun jista’ jiffaċilita l-iżvilupp kontinwu tal-karrieri tagħhom.
Il-Ministru ħabbar li fil-bidu tax-xahar id-dieħel sejra ssir sejħa għal dawk il-ħaddiema kollha li jistgħu jkunu interessati li jintgħażlu fost ir- rappreżentanti tal-kumpanija fejn għandu x’jaqsam il-Health and Safety. Min jintgħażel ser jingħata t-taħriġ speċifiku meħtieġ sabiex jkun jista jaqdi dmiru fl-aktar mod effettiv.
Temm jgħid li l-istess kif il-ħaddiema tal-WasteServ ġewwa Malta ħadu l- vaċċinazzjoni meħtieġa minħabba l-perikli tal-impjieg tagħhom, l-istess ser jsir mal-ħaddiema li jaħdmu fl-impjanti tal-kumpanija ġewwa Għawdex ix-xahar id-dieħel.