Il-PN jistieden lill-pubbliku jesprimi l-ideat tiegħu

Tiġdid tal-politika tal-Partit

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jistieden lill-pubbliku biex jieħu sehem f’workshops matul din is-sena li se jkunu qed jiġu mmexxija miċ-Chairpersons tal-Policy Fora u li matulhom se jiġu diskussi temi differenti. Dawn il-workshops huma parti minn proċess li għaddejjin bih il-Policy Fora tal-Partit Nazzjonalista fit-tiġdid tal-politika tal-Partit.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzonalista Ann Fenech u l-Koordinatriċi tal-Policy Fora Therese Comodini Cachia niedew sensiela ta’ workshops pubbliċi li se jsiru matul din is-sena u li se jkunu mmexxija miċ-Chairpersons tal-Policy Fora.
Ann Fenech qalet li diġà kien hemm rispons qawwi minn diversi persuni li diġà bdew joffru l-ideat tagħhom fi ħdan il-Policy Fora. “Issa jmiss pass ieħor fejn il-pubbliku b’mod ġenerali jieħu sehem f’workshops u jgħid dak li jaħseb dwar temi differenti,” qalet Ann Fenech.

Minn naħa tagħha, Therese Comodini Cachia ħeġġet lin-nies biex jattendu għal dawn il-workshops u jesprimu l-ideat tagħhom. “Kull idea hija importanti u l-isbaħ ħaġa fil-politika hi li l-ideat jiġu diskussi biex fl-aħħar mill-aħħar jiġu implimentati”, sostniet Therese Comodini Cachia.

Il-Policy Fora twaqqfu f’Lulju li għadda, waqt li f’Ottubru, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħatar 10 Chairpersons li qed imexxu dawn il-Policy Fora.

 

More in Politika