Is-servizz tal-kura tas-saħħa f'Malta ġie kklassifikat bħala t-tieni l-aqwa fl-Ewropa. Dan skont l-aħħar stħarriġ minn Numbeo li huwa ċentru independenti ta' riċerka li perjodikament janalizza oqsma varji. Fost il-fatturi li jsir stħarriġ fuqhom minn Numbeo hemm il-kompetenza u l-ħila tal-impjegati fis-settur tas-saħħa; l-effiċjenza fis-servizz; l-ispejjeż u t-tagħmir involut. Dan l-istħarriġ kien ippubblikat fuq is-sit internazzjonali Business Insider.
"Konferma bħal din tkompli tqawwilna qalbna u timlina b'ottimiżmu li t-triq ta' ħidma li qbadna fis-settur tas-saħħa hija tassew dik tajba," stqarr is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne. Tenna jgħid li suċċessi simili ma jistgħux ikunu possibbli mingħajr id-dedikazzjoni kontinwa tal-professjonisti kollha involuti f'dan is-settur li jaħdmu bla heda biex jagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi servizz tas-saħħa mill-aqwa.
L-aħħar figuri ppubblikati jaraw lis-servizz ta' kura tas-saħħa f'Malta fit-tieni post wara Franza. Fost il-bqija tal-pajjiżi Ewropej il-Maċedonja kklassifikat fl-aħħar tal-klassifika.
Mill-banda l-oħra l-Ġappun rriżulta bħala l-pajjiż bl-aħjar servizz tas-saħħa fuq bażi globali fejn anke fuq bażi globali Malta marret tajjeb ukoll peress li qiegħda fis-sitt post fid-dinja.